“Għada se noħroġ il-verità” – Schembri qabel jixhed fil-Qorti

Miguela Xuereb

Read in English.

Għada, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, se jkun qed jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech. Fenech qed jitressaq il-Qorti akkużat b’involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli għada fl-10am.

Isem Schembri ssemma għal darba darbtejn waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda, bil-maġġoranza tad-drabi jissemma mis-sensar tal-assassinju Melvin Theuma. Theuma qed jixhed wara li rċieva l-maħfra presidenzjali biex jiżvela dak kollu li kien jaf dwar l-assassinju minħabba l-pożizzjoni strateġika tiegħu fil-qtil makabru li seħħ fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Permezz ta’ post fuq Facebook illum, Keith Schembri qal li wasal iż-żmien li jgħid il-verità kollha u li din toħroġ fil-pubbliku. Hu qal dan b’referenza għax-xhieda tiegħu li mistennija tinstema’ għada.

Fl-ahhar wasal iz-zmien li ghada nitkellem u nohrog il-verita.

Posted by Keith Schembri on Sunday, June 21, 2020

Immorru lura għall-bidu tal-kumpilazzjoni…

Yorgen Fenech ġie arrestat mill-Pulizija fl-20 ta’ Novembru tal-2019, meta allegatament kien qed jipprova jaħrab bil-jott tiegħu. Minn dakinhar ingħata l-police bail erba’ darbiet. L-arrest tiegħu kien fost l-oħrajn b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Wara l-arrest, hu tressaq il-Qorti għall-ewwel darba fit-30 ta’ Novembru fejn ħarġet il-lista ta’ akkużi fil-konfront tiegħu.

Intant, l-ewwel sessjoni tal-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Fenech saret fil-11 ta’ Diċembru tal-2019. Dan wara diversi problemi dwar liema Maġistrat kellha tisma’ x-xhieda fil-konfront ta’ Fenech.

L-ewwel darba li ssemma Keith Schembri kien propju f’dan l-ewwel smigħ tal-kumpilazzjoni. L-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, kien spjega kif kien ra ritratt ta’ Keith Schembri mas-sensar tal-assassinju, Melvin Theuma. Kien ħareġ li Sandro Craus ħa r-ritratt ta’ Melvin Theuma u ta’ Keith Schembri f’Kastilja. Ftit wara Arnaud kien qal ukoll li isem Schembri nstema’ kemm-il darba fir-rekordings li għaddielhom Theuma. Theuma kien beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet tiegħu ma’ Fenech b’rabta mal-assassinju għax beda jibża li Fenech kien se jipprova jitfa’ t-tort kollu fuq Theuma.

L-arrest tal-aħwa Degiorgio

Isem Schembri ssemma f’konverżazzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio. Arnaud kien semma kif f’rekording minnhom tkellmu dwar il-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio. Mill-konverżazzjoni ħareġ li Fenech ma kienx jaf bil-ħelsien mill-arrest tal-aħwa. Fl-ewwel parti tal-konverżazzjoni kien issemma Keith Schembri u ntqal li Kenneth Camilleri ta l-impressjoni li l-ħelsien kien se jingħata fit-22. Arnaud jispjega li l-prosekuzzjoni kellha smigħ fit-22 ta’ Mejju.

Fir-rekordings, Theuma nstema’ inkwetat li qal lil Mario Degiorgio li l-aħwa tiegħu kienu se jinħelsu. Arnaud qal li Fenech instema’ sorpriż jgħid: “Ħażin jekk qallek hekk, lanqas irranġa għal tiegħu,” b’referenza għal Keith Schembri. Qal li kien se jkellmu direttament. Melvin Theuma kien qed jinkwieta li l-aħwa ma jingħatawx ħelsien mill-arrest peress li kien maqbud bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio.

Mir-rekordings kien ħareġ li Fenech qal lil Theuma li wara li tkellem ma’ Keith Schembri, Fenech qal lil Schembri biex id-darba li jmiss ma jwiegħedx ħelsien mill-arrest imma jgħid biss li kien se jagħmel ħiltu.

Kien ħareġ kif abbażi ta’ dak li Fenech qal lill-Pulizija dwar l-ittra u r-recordings u l-irwol ta’ Keith Schembri, il-Pulizija kkonkludiet li l-evidenza ta’ Theuma kienet korraborata u kitbet rapport għall-maħfra presidenzjali flimkien mal-Avukat Ġenerali. Theuma ngħata l-maħfra fil-25 ta’ Novembru.

Theuma kien qal li kien qed jibża’ li Schembri kien se jgħin lil Fenech “joħroġ minnha”. “Taħt ix-xhieda ma nistax ngħid li Schembri ħallas għall-qtil ta’ Caruana Galizia jew li hu kien il-mandant,” kien qal Theuma.

Theuma jiltaqa’ darbtejn ma’ Keith Schembri

Fix-xhieda tiegħu, Arnaud kien semma kif “Theuma dejjem qal lill-Pulizija li ltaqa’ darbtejn ma’ Keith Schembri. Theuma ma tkellem xejn qabel ma ngħata l-maħfra. L-ewwel darba ta l-verżjoni tiegħu mingħajr ir-rikordings”.

Kien ħareġ li allegatament l-informazzjoni beda joħroġha Keith Schembri. Arnaud kien wieġeb li Fenech qallu iżjed tard li ġab l-informazzjoni mingħand Schembri, u anke Theuma kien qal li kiseb informazzjoni mingħand Schembri. Qal li Schembri ġie investigat b’rabta ma’ dan, ta’ żvelar ta’ informazzjoni sensittiva mill-investigazzjoni.

Fix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma kien qal li Keith Schembri u Silvio Valletta kienu jgħaddu l-informazzjoni lil Yorgen Fenech.

Il-mobile ta’ Keith Schembri jisparixxi

L-Ispettur Arnaud kien wieġeb lill-avukat ta’ Fenech dwar il-mobile ta’ Schmebri. L-avukat kien staqsa jekk il-Pulizija ħadux il-mowbajl ta’ Keith Schembri. L-Ispettur qal li ma nstabx, iżda ġabru l-apparati elettroniċi kollha, anke l-laptops ta’ wliedu. Lill-Pulizija Keith Schembri qalilhom li tilef il-mowbajl. Dan wassal għal dewmien fl-investigazzjoni tal-Pulizija fi Schembri. L-Ispettur kien qal li l-Pulizija kienet qed tfittex il-mowbajl tiegħu. Schembri qed jiġi investigat fuq omiċidju, fuq żvelar ta’ informazzjoni, fost affarijiet oħra.

Schembri kien saħansira rrifjuta li jagħtu l- password tal-cloud lill-Pulizija biex tkun tista’ tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha. L-Ispettur Arnaud kien qal li Schembri ma riedx jagħmel dan għax kien hemm “affarijiet sensittivi marbutin max-xogħol” tiegħu. L-espert tal-Qorti ried il-password għax ma setax jaċċessa l-informazzjoni kollha dwar Schembri.

Mandat t’arrest għal Schembri

Schembri kien fil-lista tax-xhieda fil-każ kostituzzjonali li Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj fetaħ kontra l-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan minħabba li qed jgħid li hemm kunflitt ta’ interess hekk kif Fenech li qed jaffaċċa akkużi li ffinanzja l-assassinju, qal li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kien jgħaddilu informazzjoni li tasallu mingħand Arnaud.

Schembri ma kienx tfaċċa fil-Qorti f’Diċembru li għadda u l-Imħallef Lawrence Mintoff ordna l-arrest tiegħu minħabba li baqa’ ma tfaċċax fil-Qorti.

Xogħol fantażma għal Theuma

Schembri kien irreżenja mill-irwol ta’ Chief of Staff fid-26 ta’ Novembru tal-2019. Dan kien fil-perjodu meta kien arrestat b’rabta ma’ ħafna allegazzjonijiet ta’ rabtiet ma’ korruzzjoni u Theuma.

Aktar tard kien ħareġ li Schembri kien ta wkoll xogħol fantażma lis-sensar tal-assassinju Melvin Theuma. Hu kien imniżżel bħala xufier għal Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali, iżda dan intalab biex lanqas imur għax-xogħol. Kien jirċievi l-paga mingħajr ma jidħol għal jum wieħed xogħol.