Għada se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-summiena

Għada se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-summiena u mistenni jagħlaq nhar is-Sibt 21 ta’ April, 2018.
Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri saħaq dwar l-importanza tal-infurzar strett waqt dan il-perjodu, li jinkludu spot-checks, skont il-qafas regulatorju, li jgħid li l-infurzar għandu jibqa’ għaddej kemm wara nofsinhar matul l-istaġun kif ukoll wara li jagħlaq l-istaġun, mit-22 ta’ April ‘il quddiem.
B’dan il-mod, jiġi assigurat li l-kaċċa ssir biss fuq is-summiena u fuq l-ebda speċi oħra.
Fl-istqarrija, Camilleri fakkar li l-moratorju li jipprojbixxi l-kaċċa fuq il-gamiema għadu fis-seħħ, fejn wieħed se jkun jista’ jikkaċċjaha biss fix-xahar ta’ Settembru.
Kif se jimxi l-infurzar?

  • Staġun miftuħ: mill-1 sal-21 ta’ April, minn sagħtejn qabel sbieħ ix-xemx sa nofsinhar, b’minimu ta’ 7 uffiċjali tal-Pulizija għal kull 1,000 liċenzja. Jiġifieri jrid ikun hemm total ta’ 47 uffiċjal, 40 Malta u 7 Għawdex.
  • Staġun magħluq: mill-1 sal-21 ta’ April, min-nofsinhar ‘il quddiem, b’minimu ta’ 2 uffiċjali tal-Pulizija għal kull 1,000 liċenzja. Jiġifieri jrid ikun hemm total ta’ 14-il uffiċjal, 12 Malta u 2 Għawdex.
  • Spot-checks: iridu jibqgħu għaddejjin bejn it-22 ta’ April u 1 ta’ Mejju, b’minimu ta’ 3 uffiċjali għal kull 1,000 liċenzja. Jiġifieri jrid ikun hemm total ta’ 20 uffiċjal, 17 f’Malta u 3 f’Għawdex.

“Il-laqgħa tal-Kumitat Ornis tħassret mingħajr raġuni” – BirdLife
Il-BirdLife qalet li l-laqgħa tal-Kumitat Ornis, li kellha ssir qabel il-ftuħ tal-kaċċa sabiex ikun ippjanat l-infurzar neċessarju tħassret mingħajr raġuni.
Fi stqarrija, il-BirdLife sostniet li l-kaċċa tar-Rebbiegħa se tibda’ fl-eqqel tal-passa tal-gamiema, minkejja li l-kaċċa fuq dan it-tip ta’ tajr huwa projbit.
Il-BirdLife qalet ukoll li għadu mhux magħruf kemm inħarġu liċenzji tal-kaċċa, filwaqt li sostniet li minkejja li għamlet it-talbiet tagħha, baqgħu mingħajr risposta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=4EhXjNeIxAE]