Għada: Protesta kontra l-korruzzjoni Rumena fil-Belt Valletta

Flowers and candles are left by people during an anti-government demonstration in Bucharest, Romania, July 27, 2019. Inquam Photos/George Calin via REUTERS

Read in English.

Il-komunità Rumena f’Malta se tkun qed torganizza protesta kontra l-korruzzjoni fil-Belt Valletta għada. Il-protesta se tkun qed issir fl-istess waqt li protrsta oħra se tkun għaddejja f’Victoriei Square f’Bucharest, f’din tal-aħħar eluf ta’ persuni mistennija jattendu. Dan skont rapporti fuq Balkan Insight.

Is-sena li għaddiet, eluf ta’ espatrijati marru lura pajjiżhom għall-vaganza annwali fejn ħarġu fit-toroq jipprotestaw kontra l-partit li qed imexxi r-Rumanija, is-Soċjalisti Demokratiċi (PSD).

Il-protesta f’Malta qeda skedata li tibda minn quddiem il-bini tal-Parlament fil-Belt, fejn minn hemm, l-attivisti mistennija jimxu lejn Triq ir-Repubblika. Huma se jiltaqgħu għada fid-9am. Kulħadd huwa mistieden jingħaqad f’din il-protesta, kemm barranin kif ukoll Maltin.

Fl-10 ta’ Awwissu tal-2018, il-pulizija kienu firdu l-grupp ta’ demostranti li ppruvaw jidħlu fil-bini tal-Gvern b’kanuni tal-ilma u gass tad-dmugħ. Aktar minn 400 persuna kellhom bżonn attenzjoni medika, filwaqt li 800 attivist u 160 pulizija issottomettew każi kriminali minħabba l-ġlied.

Newsbook.com.mt tkellem mal-organizzatur Gabriela G. li spjegat li hekk kif ħafna mir-Rumeni f’Malta ma jistgħux imorru lura d-dar f’din id-data speċifika, se jorganizzaw protesta f’Malta sabiex juru solidarjetà mal-qraba u l-ħbieb tagħhom li jinsabu fir-Rumanija u li ta’ kuljum iridu jissieltu kontra l-korruzzjoni.

Hi spjegat li din il-protesta b’solidarjetà ħarġet wara li tifla ta’ 15-il sena li sparixxiet f’Bucharest kienet ċemplet lill-pulizija tliet darbiet waqt li ġiet maħtufa. Madanakollu, il-Pulizija damu 19-il siegħa biex bdew ħidma sabiex isibuha, fl-eventwalità li sabuha mejta. Il-Ministru għall-Intern u l-Kummissarju tal-Pulizija, flimkien ma’ uffiċċjali oħrajn, irreżenjaw wara l-protesti li saru fil-pajjiż. Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni tkeċċa mill-irwol tiegħu.