“Għada ngħaddilu ċ-ċwievet u mbagħad nirriżenja” – Muscat

Jgħid li mhux se jmur għall-ewwel diskors ta’ Abela għax “hemm mhux posti.”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li għada waranofsinhar se jmur għand il-President ta’ Malta biex jagħti r-riżenja tiegħu wara li filgħodu jkun għadda ċ-ċwievet ta’ Kastilja lil Robert Abela.

Meta kien qed jitkellem fuq One Radio, Muscat xejjen il-kritika li saret fil-konfront ta’ Abela għall-fatt li għadu żgħir u  m’għandux esperjenza, meta qabbel il-mixja tal-kap Laburista l-ġdida ma’ dak li għamel hu fl-2013 meta kien leħaq Prim Ministru.

Huwa qal li Abela jrid imexxi b’kontinwità fid-direzzjoni li għażel il-poplu fl-2017 peress li din ma kenitx elezzjoni ġenerali.

Muscat ddeskriva lil Abela bħala wieħed mill-aħjar imħuħ li qatt iltaqa’ miegħu, waqt li stiednu jbiddel l-affarijiet li hu bħala Prim Ministru seta’ għamel ħażin.

Il-Prim Ministru stieden lil-Laburisti biex jagħtu merbħa lil Abela fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin għall-ewwel diskors tiegħu, iżda stqarr li hu mhux se jkun hemm peress li hemm mhux postu.

Muscat sellem ukoll lil Chris Fearne fejn stqarr li kien wieħed mill-aħjar u konvint li se jibqa’ ċentrali fil-ħidma tal-Gvern Laburista.