Għada mistennija tiġi ppreżentata l-kwerela kontra l-Ministru Austin Gatt

F’xi ħin għada, l-Avukati Manwel Mallia, David Farrugia Sacco u l-kandidat Laburista Evarist Bartolo mistennija jippreżentaw kwerela lill-Pulizija biex tipproċedi kontra l-Ministru Austin Gatt minħabba malafama.

Meta kkuntattjat minn Newsbook, l-Avukat Mallia qal li ħalla f’idejn l-Avukat Farrugia Sacco biex ilestiha u sa fejn jaf hu se tiġi ppreżentata għada.

Min-naħa l-oħra l-Avukat David Farrugia Sacco qal li għandhom kollox lest filwaqt li se tiġi ppreżentata fil-jiem li ġejjin. Dr Farrugia Sacco qal li din il-kwerela se taqa’ taħt il-Kodiċi Kriminali u l-Liġi tal-Istampa.

Nhar is-Sibt li għadda, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Austin Gatt qal li għandu rapport li fih ismijiet ta’ nies li allegatament għamlulu frame-up biex ismu jissemma’ fil-każ tax-xiri taż-żejt.

Skont il-Ministru Gatt hemm tliet kandidati tal-Partit Laburista involuti dawn huma: l-Avukat David Farrugia Sacco, Evarist Bartolo, u l-Avukat Manwel Mallia.

Minn informazzjoni li għandna mill-Qorti jidher li kawżi ta’ libell jew kawżi marbuta mal-Liġi tal-Istampa se jiġu appuntati għal wara l-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu.

catherine@newsbook.com.mt