Is-servizz tat-tilqima tal-influwenza interrot; Laqgħa mal-MUMN għada

Aġġornat 08:18 PM

Read in English.

Is-servizz tat-tilqima tal-influwenza jinsab interrot f’diversi lokalitajiet minħabba azzjonijiet industrijali mill-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN). Intant għada se tkun qed issir laqgħa bejn il-Gvern u l-MUMN biex tinstab soluzzjoni dwar dan.

Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa kien spjegat li minħabba azzjonijiet industrijali mill-MUMN, is-servizz ta’ tilqim kontra l-influwenza jista’ jkun interrott f’numru ta’ lokalitajiet. Qal li malli dawn l-azzjonijiet jitwaqqfu, l-iskeda tidħol fis-seħħ skont kif reklamata fil-jiem li għaddew.

Permezz ta’ post fuq Facebook, is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg qal li minkejja li llum kienet se tibda tingħata t-tilqima tal-influwenza mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, din thassret minhabba d-direttiva li għandhom l-infermiera.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa kien spjegat li ċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid, Birkirkara u l-Floriana, kif ukoll il-klinika tal-komunità taż-Żurrieq qed joperaw normali s-servizz tat-tilqima tal-influwenza.

Aktar kmieni…

Hekk kif il-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel ħarġet ċirkulari li fiha qed tordna lill-Infiermiera biex jagħtux il-vaċċin tal-influwenza taħt l-ebda ċirkustanza, għada mistennija laqgħa bejn il-Gvern u l-MUMN biex tissolva din il-kwistjoni.

Skont il-gazzetta The Sunday Times, id-direttiva ħarġet ftit tal-ġimgħat ilu bħala parti minn numru ta’ azzjonijiet industrijali fuq kwistjoni li ilha tkaxxar ix-xhur.

L-MUMN qed tilmenta dwar l-allowance fuq l-ikel li jingħataw l-infermiera kif ukoll l-extra leave minħabba l-festi pubbliċi li jaqgħu fil-weekend.

Din il-ġimgħa waqt il-programm Newsbook Q&A, id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li din hi l-ewwel darba li “se nidħlu f’xitwa bl-influwenza u bil-Covid-19”. Iddeskriviha bħala “riċetta għal problemi kbar”.

Waqt Newsbook Q&A, il-Ministru ta-Saħħa Chris Fearne saħaq dwar l-importanza, li wieħed jieħu l-vaċċin tal-influwenza biex jipprevjeni li jaqbduh f’salt l-influwenza u l-coronavirus “għax jispiċċa agħar”. “Mhux għax taqbdek waħda, ma tistax taqbdek l-oħra”.

Il-Gvern beda kampanja biex jitlaqqam kulħadd kontra l-influwenza.

Fil-parlament, il-Ministru Fearne kien qal li l-Gvern ordna konsenja doppja ta’ vaċċin kontra l-influwenza u minn 100,000 doża, se jkollu 200,000 waħda.