Malta se tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew it-Tlieta filgħodu

Għada, l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea se jiddibattu l-istat tas-saltna tad-dritt (rispett lejn il-liġi) f’Malta. Wara d-dibattitu, l-Erbgħa, jittieħed vot dwar ir-riżoluzzjoni fi Strasburgu.

Ir-riżoluzzjoni kienet ir-riżultat ta’ żjara li għamlet delegazzjoni Ewropea f’Malta. Id-delegazzjoni ġiet Malta wkoll għax kien hemm żviluppi fil-każ dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija mill-Parlament Ewropew, ġie spjegat li wara li l-Kummissjoni taħt Jean-Claude Juncker u Frans Timmermans, falliet milli taġixxi dwar il-problemi tas-saltna tad-dritt f’Malta, l-MEPs fir-riżoluzzjoni tagħhom ħeġġew lill-Kummissjoni l-ġdida sabiex ikollha djalogu mal-Gvern Malti.

Ir-riżoluzzjoni ssemmi wkoll dak li qalet il-Viċi-President tal-Kummissjoni, Vera Jourova, li wasal iż-żmien li tiġi skattata l-proċedura dwar is-saltna tad-dritt. Din kompliet billi qalet li l-Kummissjoni għandha tuża dak kollu disponibbli għaliha sabiex tassigura li Malta ssegwi l-liġijiet Ewropej fejn jidħol il-ħasil tal-flus, is-superviżjonijiet tal-banek, l-indipendenza tal-ġudikatura u x-xiri pubbliku.

L-istqarrija tkompli tgħid li r-riżoluzzjoni turi b’mod ċar in-nuqqasijiet ta’ Malta fejn jidħlu s-saltna tad-dritt, l-evażjoni tat-taxxi, l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Tesprimi wkoll id-dubji serji dwar kemm l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista qed jitħallew isiru b’mod indipendenti sakemm il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ fl-uffiċċju.

Ir-riżoluzzjoni titlob lill-awtoritajiet Maltin sabiex jinvestigaw ukoll l-allegazzjonijiet dwar ħasil tal-flus u korruzzjoni fil-konfront ta’ persuni li rreżenjaw mill-karigi tagħhom fil-Gvern.

Id-dibattitu jibda fid-9am u se jixxandar live fuq il-website tal-Parlament Ewropew.