Benedittu XVI se jingħata t-titlu ta’ ‘Papa Emeritu’

Filwaqt li eluf ta’ nies għada filgħodu se jkunu fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, oħrajn se jkunu mwaħħlin mat-televixin jew inkella fuq l-internet, biex jaraw l-aħħar Udjenza Ġenerali tal-Papa Benedittu. B’kollox se jkun hemm mhux inqas minn 26 kamera biex tiġbed dan l-avveniment storiku.

Bejn l-10:30am u 12:30pm ta’ l-Erbgħa, Newsbook se jxandar ‘live’ l-udjenza tal-Papa. Qabel ma tibda l-udjenza, il-Papa mistenni jgħaddi bil-Popemobil minn qalb il-pellegrini. Wara imbagħad ikun hemm il-qari tal-Liturġija u mument ta’ talb.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi ħabbar li l-Papa se jingħata t-titlu ta’ “Papa Emeritu” u se jżomm l-isem ta’ “l-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI”.

Pjazza San Pietru għada se tkun imqassma f’diversi setturi, biex takkomoda lin-nies preżenti. Il-Vatikan irċieva iktar minn 50,000 talba biex jirriservaw post fil-pjazza.

Imma l-attenzjoni ta’kulħadd se tkun fuq il-Ħamis 28 ta’ Frar, hekk kif fit-tmienja ta’ filgħaxija l-Papa se jtemm il-Pontifikat tiegħu. Il-Papa għażel dan il-ħin għaliex ġeneralment il-ġurnata tax-xogħol tiegħu tispiċċa proprju fit-tmienja.

Fil-ħamsa tal-Ħamis wara nofsinhar, il-Papa se jitlaq lejn ir-residenza ta’ Castel Gandolfo fejn hemmhekk se jqatta’ xahrejn. Ġaladarba jasal, mistenni jsellem liċ-ċittadini tal-lokal. Din se tkun l-aħħar dehra tiegħu fil-pubbliku bħala Papa.