“Għada laqgħa oħra twila bejn il-Gvern u l-MAM” – Dr Martin Balzan

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija l-MAM Dr Martin Balzan qal li għada l-Ħadd se ssir “laqgħa oħra twila” bejn il-MAM u l-Gvern dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet pubbliċi.
Fil-programm Newsline fuq RTK, Dr Balzan qal li l-MAM se tmur b’rieda tajba bil-għan tagħha jkun dak li “trid taħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx”.
Madankollu sostna li direttivi għal iktar azzjonijiet industrijali mit-tobba, joħorġu biss jekk l-assoċjazzjoni ssib ruħha f’rokna wara l-laqgħa ta’ għada.
"Il-Gvern ma jistax jinħall mill-għanqbuta ta' kuntratti li daħal għalihom"
Dr Martin Balzan semma kif il-Gvern ma jistax jinħall minn dik li ddeskriva bħala “għanqbuta ta’ kuntratti li daħal fihom fis-settur tas-saħħa”.
Qal li ma jistax ikun li dawn il-kuntratti jkollhom il-klawżoli kollha favur l-intraprenditur, u li fuq kollox ma kellu ebda esperjenza ta’ xejn fil-qasam tas-saħħa u wera li ma kienx kapaċi.
"Is-saħħa mhijiex bħal supermarket jew power station"

Dr Balzan sostna li “s-saħħa mhijiex bħala supermarket jew power station għax hemm il-pazjent fin-nofs, fejn m’għandha ssir l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kura li jingħata pazjent fqir u pazjent sinjur”.
Fil-programm Newsline, is-segretarju ġenerali tal-MAM qal li l-intraprendituri qed “jistaħbew” wara l-klawżola li l-MEPA ma ħarġitilhomx il-permess fil-ħin, filwaqt li huwa jaf li dan ma sarx minħabba li ma kellux il-mezzi ta’ finanzjament.
"Kellu l-mazz f'idejh u tilef l-okkażjoni"
Hawnhekk ikkritika lill-Gvern li skont Dr Balzan, kellu “l-mazz f’idejh” u okkażjoni tajba biex jirranġa s-sitwazzjoni. Madankollu qal li l-Gvern ma għamel xejn.
Temm jgħid li l-MAM għadha ma rċevietx id-dokumenti dwar il-kuntratti minkejja l-wiegħda tal-Gvern li kellu jibgħathom sas-7 ta’ Frar.