​Għada l-verdett dwar lukanda f’Delimara

L-Awtorità tal-Ippjanar għada se tiddeċiedi d-destin ta’ zona rurali li tinsab fil-ponta tan-Nofsinhar ta’ Malta fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Kalanka f’Delimara, fejn qed jiġi propost il-bini mill-ġdid ta’ lukanda abbandunata fuq art ODZ u fil-viċin ħafna ta’ diversi siti li huma protetti.
Fi stqarrija, il-BirdLife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) u Nature Trust-FEE, qed isejħu lill-bord tal-ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar biex jirrifjuta l-permess 
It-tliet NGOs ambjentali (eNGOs) huma tal-fehma li żvilupp ta’ lukanda fl-inħawi hu inaċċettabbli u li dwar dan diġà ressqu t-tħassib ambjentali tagħhom individwalment. 
X’jinbidel jekk isir dan l-iżvilupp?

  • Jinfetħu l-bibien għal aktar żvilupp f’zona ODZ
  • Jonqos l-ambjent naturali li għad fadal
  • Il-footprint tal-bini jiżdied b’561 metru kwadru ma’ dak eżistenti
  • Medda oħra ta’ 480 metru kwadru tkun koperta  minn terrazzin u swimming pool.
  • Jintilfu art u ħamrija
  • Ma jsirx dak imwiegħed fil-Pjan Lokali  għal Marsaxlokk, biex din iz-zona tinbidel f’Park Nazzjonali.
  • Żieda ta’ traffiku, emissjonijiet u ħsejjes fl-inħawi.
  • Il-pubbliku li jmur biex jgħum mhux se jkollu aċċess għal parkeġġ adegwat.
  • Il-faċilitajiet għall-parkeġġ tar-roti jibqgħu minsija. 

It-tliet eNGOs saħqu li dan hu bi ksur ċar tar-regolamenti fil-policy nazzjonali għall-iżvilupp f’ODZ. 
Ifakkru li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) insistiet li jitnaqqas sew id-daqs tal-iżvilupp, u li l-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar jinjora t-tħassib leġittimu li tqajjem f’dan il-każ u minflok irrakkomanda li l-iżvilupp jiġi approvat.

Barra minn hekk, it-tliet għaqdiet jirrakkomandaw bil-qawwa li l-Gvern jipprova jirrestawra s-siti storiċi biex jitgawdew mill-pubbliku: Il-Fortizza tas-Silġ, il-Fortizza ta’ Delimara, il-Batterija ta’ Wolseley u l-Batterija ta’ San Pawl.