Għada l-Prim Ministru għal quddiem il-Parlament Ewropew

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għada se jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu, f’sessjoni plenarja li matulha l-Membri Ewroparlamentari se janalizzaw il-kisbiet ta’ Malta waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Dan wara li nhar il-Ġimgħa li għadda ġiet fi tmiemha l-Presidenza Maltija biex issa se tgħaddi f’idejn l-Estonja.
Il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija kienu l-migrazzjoni, is-suq uniku, is-sigurtà, l-inklużjoni soċjali u s-settur marittimu.
L-aħħar ftehim li waslet għalih il-Presidenza Maltija kien fl-ECOFIN, il-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, fejn ċittadini li jkunu dieħla jew ħierġa mill-Unjoni Ewropea u jkunu qed iġorru aktar minn €10,000, iridu jibdew jiddikjaraw l-ammont fid-Dwana. Apparti minn hekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jaqsmu informazzjoni jekk ikun hemm xi indikazzjoni ta’ attività kriminali marbuta mal-moviment ta’ flus.
Fil-jiem li għaddew, il-Presidenza Maltija rċeviet kliem ta’ tifħir mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, u anke mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.  Tusk qal li l-Presidenza Maltija kienet waħda mill-aqwa esperjenzi li qatt kellu fil-ħajja professjonali tiegħu. Semma fost l-oħrajn il-ħidma tal-Presidenza għan-negozjati ta’ Brexit, it-tmiem tar-roaming u x-xogħol fuq il-migrazzjoni u s-sigurtà interna.
Min-naħa tiegħu Jean-Claude Juncker, qal li huwa impressjonat b’ħidmet Malta matul il-Presidenza.
B'reazzjoni għal dan, Joseph Muscat qal li matul is-sitt xhur ta’ Presidenza, sab kollaborazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijet ewropej.  Iddeskriva l-Presidenza Maltija mhux biss kisba tal-Gvern u l-politiċi, imma ta’ kulħadd.  Għall-kliem ta’ tifħir minn Tusk u Juncker, Dr Muscat qal li l-kliem ta’ tifħir mhumiex lejh, imma lejn il-Maltin u l-Għawdxin.  Sostna li dak kollu li l-Gvern tgħallem waqt il-Presidenza, issa jrid iżommu għas-snin li ġejjin, anke fid-dawl tal-Valletta 2018.
Il-Prim Ministru rrimarka li permezz tal-Valletta 2018, Malta trid terġa’ tissorprendi pajjiżi oħra.
Għada wkoll il-Prim Ministru Malti se jkun qed jiltaqa’ mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani. 
L-għada l-Erbgħa mbagħad, ikun imiss lill-Prim Ministru Estonjan Juri Ratas, li jippreżenta fil-Parlament Ewropew il-prijoritajiet tal-Presidenza Estonjana.  
Newsbook.com.mt se jżommok aġġornat kontinwament dwar is-sessjoni plenarja fi Strasburgu.