Għada l-PN u l-MCESD se jiddiskutu l-prezzijiet tal-fuel

Għada filgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fejn se jiġu diskussi l-prezzijiet għoljin tad-diesel u l-petrol.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-Oppożizzjoni ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet minnufih hekk kif il-prezz taż-żejt hu ta’ 44 dollaru kull barmil.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li numru ta’ membri fi ħdan l-MCESD, fosthom il-GRTU, l-UĦM, l-MHRA u l-Kamra tal-Kummerċ semmgħu leħinhom fil-pubbliku dwar is-suġġett. Qal ukoll li talbu wkoll lill-Gvern biex ilaqqa’ l-MCESD biex jiddiskutu l-prezzijiet infushom.
Il-PN qed ikompli jinsisti mal-Gvern biex ma jibqax jilgħab biċ-ċifri biex jagħti impressjoni lill-familji u n-negozji li l-Maltin mhux iħallsu fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa.