Għada l-maratona tal-Missio…biex min tilef it-tama terġa’ titkebbislu

Bħal kull sena, l-Uffiċċju Missjunarju tal-Belt, jew kif inhu magħruf aktar, il-Missio, se jtella’ l-maratona ġbir ta’ fondi sabiex jiġu megħjuna nies li qed jitilfu jew tilfu t-tama.
Fil-fatt il-maratona se jkun jisimha Festa ta’ Tama (Hope Missio Fest), u se tixxandar għada fuq diversi stazzjonijiet tat-televixin.
L-istqarrija tal-Missio tgħid li l-organizzazzjoni rabtet din il-Maratona mal-festa ta’ San Ġużepp u ma’ żmien ir-Randan.
Il-Maratona ssegwi l-logo uffiċċjali ta’ Missio, bil-messaġġ tiegħu: Għinni nemmen, għinni ngħix.
“Missio jimxi fuq il-passi ta’ Ġesù, li kien jitkellem bil-qawwa kontra l-inġustizzji ta’ żmienu, kontra l-awtoritajiet li ma jaqdux dmirhom lejn is-soċjetà kollha, kontra s-sinjuri li jaħqru ’l-ħaddiema… Iżda Hu ma jiqafx hemm u jistenna li l-affarijiet isiru sewwa, għax kien jaf li b’hekk biss l-affarijiet mhux se jinbidlu, u bil-kliem u bil-kundanni biss il-fqir xorta waħda mhux ser isib x’jiekol jew fejn joqgħod”, qalet l-organizzazzjoni.
B’dawn il-flus se jiġu megħjuna nies fil-faqar, irħula sħaħ li m’għandhomx ilma nadif, u komunitajiet ta’ Nsara li m’għandhomx almenu kappella żgħira fejn jitolbu.
Il-Missio għandu madwar 1,150 djoċesi fil-missjoni tiegħu, u jisponsorja eluf ta’ proġetti ġejjin minn dawn id-djoċesijiet fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerka t’Isfel.
Il-maratona ssir għada bejn 12pm u 12am, u min irid jista’ wkoll imur bid-donazzjoni fl-istudjos tal-WE f’Ħal Qormi.
Il-bqija jistgħu jċemplu fuq dawn in-numri:
51602062 għal donazzjoni ta’ €10
51702063 għal donazzjoni ta’ €15
51802064 għal donazzjoni ta’ €25
Jew SMS fuq 50618820 għal donazzjoni ta’ €6.99