Għada l-funeral mill-Istat għall-Professur Oliver Friggieri

Aġġornat 12:23 PM

Għada Malta tosserva jum ta’ luttu

Oliver-Friggieri
Facebook - Kenneth Busuttil

Read in English.

Il-funeral organizzat mill-istat tal-Professur Oliver Friggieri se jsir għada l-Erbgħa fis-2 pm. Ħabbar dan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru permezz ta’ stqarrija dalgħodu.

Il-quddiesa praesente cadavere se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-2.00 p.m. u se tkun ikkonċelebrata mill-Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.

Il-mewt ta’ Prof. Friggieri tħabbret Is-Sibt waranofsinhar. Hu kellu 73 sena.

Il-Gvern ħabbar wkoll li għada l-Erbgħa jiġi mmarkat bħala jum ta’ luttu. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kiteb uffiċjalment lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u Kapijiet tal-Entitajiet Pubbliċi biex għada l-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi jittajru mezz’asta.

Il-Korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45 p.m. lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti fejn serva wkoll bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura. Hawnhekk se jingħata tislima xierqa mill-Università.

Minn hemmhekk il-Korteo funebri jipproċedi għal quddiem ir-residenza privata tiegħu fi Fleur-de-Lys, u għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Floriana, raħal twelid il-Prof. Friggieri fejn se tingħatalu tislima mill-Kunsill Lokali tal-Floriana u mill-Kleru tal-Parroċċa ta’ San Publiju. Wara l-Korteo funebri jipproċedi lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann. Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann se jitħallew jidħlu biss dawk li se jirċievu l-istedina uffiċjali.

Fi tmiem il-quddiesa, il-funeral ikompli f’forma strettament privata.

L-istat se jkun qed jorganizza dan il-funeral b’rikonoxximent għall-kontribut straordinarju li ta Prof. Friggieri lil pajjiżna u lil niesu tul il-karriera tiegħu. Ix-xogħlijiet tiegħu tradotti f’bosta lingwi f’pajjiżi barranin għamlu isem lil Malta madwar id-dinja u taw lil pajjiżna l-kredenzjali ta’ nazzjon.

Friggieri twieled il-Furjana fl-1947, u studja l-Università ta’ Malta, fejn kiseb Baċellerat tal-Arti fil-Malti, Taljan u l-Filosofija fl-1968 u Masters fil-1975. Kompla l-istudji tiegħu mal-Università Cattolica del Sacro Cuore f’Milan, fejn kiseb Dottorat fil-Letteratura Maltija u fil-Kritika Letterarja.

Il-funeral se jkun qed jixxandar live fuq Newsbook.com.mt