Is-Sibt l-ewwel programm ta’ Andrew Azzopardi fuq 103

Andrew Azzopardi on 103 jixxandar kull nhar ta’ Sibt fl-10am fuq 103 Malta’s Heart u aktar tard fuq Newsbook.com.mt

Andrew Azzopardi on 103

Bħalma ħabbarna ftit tal-jiem ilu, il-preżentatur magħruf Andrew Azzopardi se jkun qiegħed imexxi programm ġdid ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja 103 Malta’s Heart, kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u 12pm.

Fl-ewwel programm, is-Sibt 12 ta’ Settembru, Azzopardi se jiddiskuti fost oħrajn, it-tema tal-immigrazzjoni u nistaqsu: din tbiddillek ħajtek għall-aħjar jew għall-agħar? Niddiskutu wkoll l-isfidi li qed naffaċċjaw minħabba dan il-fenomenu flimkien mal-opinjonisti Jeremy Camilleri, Fabian Demicoli, u Malcolm Seychel, l-esperta tal-ħabs Dr Sandra Scicluna, u l-lettur Dr Francois Mifsud.

9/11 jibqa’ ttimbrat fil-psike tagħna. Matul Andrew Azzopardi on 103 niddiskutu kif l-ajruplani li baqgħu deħlin fit-Twin Towers u oħrajn f’postijiet oħra strateġiċi fl-Amerika, waqqfu lid-dinja. Mal-mistiedna PJ Vassallo Mintoff u Vanessa Frazier, ir-rappreżentanta permanenti għan-Nazzjonijiet Magħquda, niddiskutu l-impatt li ħalla dan id-diżastru fuq id-dinja.

Fit-tielet parti tal-programm, flimkien ma’ Deborah Francalanza u Dr Andrea Dibben se nipprovaw nifhmu għalfejn din l-issue ta’ mibegħda fil-mod kif nitkellmu (il-hate speech) tidher li qed tikber u tiżdied fil-gravità.

Fl-aħħar nett, niddiskutu l-imwiet li qed iseħħu fil-ħabs. Dr Sandra Scicluna, lettur fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fi ħdan il-Fakultà’ tat-Tisħiħ Soċjali, tagħti l-fehma tagħha dwar dan.

Andrew Azzopardi on 103 jixxandar kull nhar ta’ Sibt fl-10am fuq 103 Malta’s Heart u aktar tard fuq Newsbook.com.mt