Għada joħorġu l-pagamenti taċ-children’s allowance

Read in English.

Għada se joħorġu l-pagamenti taċ-children’s allowance flimkien mal-għajnuna supplimentari. Dan ħabbru l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Huma spjegaw li dawn il-pagamenti se jinħarġu mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Dawn il-pagamenti joħorġu qabel ix-xahar propju sabiex ikunu ta’ għajnuna għall-ġenituri qabel it-tfal jibdew l-iskola. Din il-bidla saret fl-2013.

Minn dawn il-pagamenti se jibbenefikaw 38,964 familja b’total ta’ 58,373 tifel u tifla. Dan ifisser total ta’ kważi €9 miljun li jikludu kemm familji li l-benefiċċju tagħhom huwa means-tested u kemm dawk li jieħdu rata fissa minħabba li d-dħul tagħhom huwa aktar mill-paga minima.

Għada wkoll se tkun qed tingħata l-għajnuna supplimentari għall-familji li għandhom dħul relattivament baxx. Minn din l-għajnuna se jkunu qed jibbenefikaw 22,882 benefiċċjarju b’total ta’ iktar minn żewġ miljun ewro.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-fatt li dawn il-benefiċċji joħorġu qabel iż-żmien jgħinu lill-familji. Żied li l-Gvern qed jieħu azzjoni dwar dawn ir-realtajiet li l-familji jesperjenzaw.  

Huwa spjega li t-tibdil li sar fil-mekkaniżmu biex tiġi determinata r-rata taċ-children’s allowance, hemm diversi familji li għandhom dħul baxx li qed jibbenefikaw sa €96 għal kull wild.