Għada jkollna ħames qaddisin ġodda

Il-Kardinal Newman li flimkien ma' erba' nisa oħra għada jkunu dikjarati qaddisin

Hekk kif il-Knisja Kattolika qed tipprepara biex ikollha ħames qaddisin ġodda – wieħed minnhom il-Kardinal John Henry Newman, l-Arċisqof ta’ Westminster, il-Kardinal Vincent Nichols ħeġġeġ lill-insara biex jieħdu lezzjonijiet mill-ħajja u l-virtujiet eroiċi ta’ dawn il-persuni.

F’Omelija li għamel fi tmiem il-ġimgħa, il-Kardinal ħares lejn il-qaddisin bħala “sinjal ta’ tama fi żmien meta qed ngħixu ħajja mingħajr Alla u b’mentalità li trid twarrab il-fidi reliġjuża”.

Hu enfasizza li għandna nħarrġu għajnejna biex naraw il-qdusija fil-qaddisin u nieħdu lezzjonijiet important minn għandhom.

Waħda minn dawk li se jkunu dikjarati qaddisin hi soru Taljana – Sr. Giuseppina Vannini – li l-Kardinal qal li kellha kapaċita straordinarja li ssofri kemm tagħha stess kif ukoll ta’ dawk qrib tagħha.

Sofferenza b’dinjità

L-ewwel lezzjoni li għandna nieħdu hi li nħarsu lejn dak in-numru kbir ta’ persuni li jġorru t-tbatija b’dinjità u kalma u li jiftħu qalbhom għat-tbatija tal-oħrajn u sa jaslu biex joffru ħajjithom għall-oħrajn.

It-tieni mara li se tkun dikjarata qaddisa hi Marguerite Bays mill-Isvizzera. Din il-mara kellha familja mkissra iżda minkejja dan hi baqgħet dejjem qrib il-membri tal-familja tagħha. Il-Kardinal Nichols qal li din il-mara hi xempju għal dawk li jħobbu l-familja minkejja d-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom. “Din hi l-qaddisa tal-familja. Eżempju perfett ta’ qdusija, mhux neċessarjament f’ħajja konsagrata, imma fir-realtà tal-qalba tal-familja, moħbija imma tiddi f’għajnejn dawk li jridu jaraw”.

John Henry Newman

Il-Kardinal Nichols tkellem ukoll dwar John Henry Newman. Dan l-edukatur kuraġġjuż fit-tfittxija għall-verità, ħadem għal għexieren ta’ snin fost il-foqra ta’ Birmingħam. Newman kien ta eżempju u ispirazzjoni għaż-żgħażagħ biex iqisu l-kuxjenza tagħhom bħala ‘eku tal-vuċi t’Alla li jdawwal lil kull persuna biex jagħraf il-verità f’sitwazzjonijiet speċifiċi’.

B’eżempju ta’ dan, il-Kardinal ta’ Westminster, semma l-Moviment ‘White Rose’ li twaqqaf fi Munich fl-1942. Studenti żgħażagħ membri tal-moviment, kitbu u qassmu letteratura b’kundanna għall-attroċitajiet Nazisti li twettqu fir-Russja.  Dawn ir-rakkonti kienu ispirati minn membru tal-grupp, Fritz Hartnagel li kien fl-Armata Ġermaniża. Dawn iż-żgħażagħ kienu arrestati, mressqa l-Qorti u ngħataw il-mewt.

Kuxjenza nisranija

“Dak li ftit jafu hu li dan il-grupp ħa l-ispirazzjoni u l-kuraġġ tiegħu mill-kitbiet tal-Kardinal Newman dwar il-kuxjenza nisranija. Fil-fatt, Hartnagel kellu volume sħaħ tal-priedki ta’ Newman li ħa miegħu fuq il-front tal-battalja għax qal li ‘meta jaqrahom kienu qishom qtar ta’ nbid mill-ifjen’. Meta kienu nterrogati, wieħed mill-membri tal-Moviment White Rose qalet li dak li għamlu kien dettat mill-kuxjenza nisranija tagħhom”.

Il-Kardinal Nichols temm l-Omelija tiegħu billi stieden lil dawk preżenti biex jissaħħu permezz ta’ dawn il-qaddisin ġodda u kkwota l-Evanġelju: “Imbierka dawk l-għajnejn li jaraw dak li tara int għax jien ngħidilkom li ħafna profeti u rejiet xtaqu jaraw dak li tara int, iżda ma rawħx u xtaqu jisimgħu dak li tisma’ int u ma semgħuhx”.

Għada l-Ħadd, il-Papa Franġisku f’ċelebrazzjoni li se ssir fil-Vatikan se jiddikjara qaddisin lill-Kardinal John Henry Newman, fundatur tal-Oratorju ta’ San Filippu Neri fl-Ingilterra; lil Sr Giuseppna Vannini, fudnatriċi tas-Sorijiet ta’ San Camillu; lis-Soru Indjana Miriam Thresia Chiramel Mankidiyan, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tas-Sagra Familja; is-Soru Braziljana Dulce Lopes Pontes tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji tal-Immakulata Kunċizzjoni Omm Alla u lil Marguerit Bays.