Is-Sibt jitħabbru inċentivi għan-negozju

Robert-Abela3

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li għada s-Sibt filgħodu se jitħabbru inizjattivi u miżuri immirati li jinċentivaw lin-negozju fiċ-ċirkostanzi li tinsab fihom Malta minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-Prim Ministru qal dan f’intervista fuq il-programm Xarabank fuq l-istazzjon Nazzjonali. Mingħajr ma daħal fid-dettall ta’ liema miżuri se jidħlu fis-seħħ, il-PM indika li l-miżuri huma mmirati biex jissalvagwardjaw il-pagi tal-ħaddiema.

Huwa qal li bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-istakeholders relevanti biex il-Gvern jassigura li jiġu implimentati l-aħjar miżuri fil-ħin opportun.

Mistoqsi dwar il-possibiltà ta’ lockdown tal-pajjiż sħiħ, il-Prim Ministru qal li rridu nkunu wasalna fi stadju fejn il-virus ikun qed jimxi lokalment u ma jibqax wieħed li huwa impurtat biss bħat-12-il każ li bħalissa hawn f’Malta.

Dalgħodu, il-Prim Ministru ħabbar li mil-lum, kull min jiġi lura mis-safar, minn kwalunkwe pajjiż, huwa mitlub jagħmel kwarantina obbligatorja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn