Għada jitħabbru d-dettalji dwar il-vouchers tal-Gvern

    Miguela Xuereb

    Għada l-Gvern mistenni li jħabbar id-dettalji dwar is-sistema ta’ vouchers li ġiet imħabbra fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni li ħabbar il-Prim Ministru aktar kmieni dan ix-xahar.

    Il-vouchers huma maħsubin li jkunu ta’ €100 għal kull persuna li għandha ‘l fuq minn 16-il sena, li €80 minnhom għandhom jintefqu f’lukandi, restoranti u barijiet filwaqt li l-€20 l-oħra jintefqu fi ħwienet tax-xagħar u sbuħija u stabbilimenti tal-ħwejjeġ.

    Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet imsejħa għal għada fl-4pm fil-Ministeru għall-Ekonomija fi Triq il-Merkanti. Il-Ministru Silvio Schembri mistenni li jagħti d-dettalji għan-negozji f’din il-konferenza.

    Il-konferenza ral-aħbarijiet li fiha ġie mħabbar il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika
    Filmat: Vouchers biex jintefqu fir-ristoranti; roħs fil-kontijiet tan-negozji

    Il-vouchers kienu qajjmu kontroversja fost ir-residenti barranin li jgħixu Malta minħabba li kienu sorpriżi li ma ġewx inklużi fil-miżuri. Jidher li l-Gvern biddel il-ħsieb hekk kif ftit wara ħareġ stqarrija li permezz tagħha qal li r-residenti kollha li isimhom u l-indirizz tagħhom huwa r-reġistrat fuq id-database ta’ Identity Malta se jirċievu l-voucher ta’ €100. Il-Gvern ikkjarifika wkoll li, ma’ dawn l-indirizzi, hemm ukoll lista aġġornata ta’ detenturi ta’ residence documents.

    B’risposta għal din l-inizjattiva tal-Gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien qal li mingħajr il-korruzzjoni, il-Gvern seta’ jagħti vouchers ta’ €900. Intervistat mill-Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt Sylvana Debono fuq Net TV, Adrian Delia fisser li din iċ-ċifra tinkludi biss id-€90 miljun li l-Gvern ta lis-sidien tal-Vitals għall-bejgħ tal-isptarijiet.