Għada jistrajkjaw l-għalliema tal-Ingliż

Facebook/Clubclass

Read in English.

L-għalliema tal-Ingliż li jgħallmu fl-iskola ta’ Clubclass English Language School (CELS) se jistrajkjaw quddiem l-iskola fis-Swieqi flimkien mal-membri tal-Eżekuttiv tal-Unjin tal-Edukaturi Professjonali, UPE.

Fi stqarrija l-Unjin qalet li l-ġimgħa li għaddiet, f’laqgħa li dawn l-għalliema kellhom fil-kwartieri tal-unjin fil-Floriana, ivvutaw favur strajk. Intqal li sa dakinhar ma kienux ġew deċiżi d-dettalji tal-istrajk iżda kellu jissejjaħ għal għada minħabba n-nuqqas ta’ rispett li kellhom minn sid l-iskola.

L-unjin qalet li sid l-iskola Joe Aquilina għamel kuntatt mal-Kunsill tat-tagħlim tal-lingwa Ingliża (ELT) fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet iżda qalu li minn dakinhar ma sar l-ebda kuntatt magħhom.  L-unjin żiedet tgħid li minkejja l-wegħda li ssir laqgħa rikonċiljatorja bejn iż-żewġ partijiet, Aquilina baqa’ ma tfaċċax.

L-istrajk se jsir għada fl-10am fl-iskola li tinsab f’104, Chelsea Court fi Triq is-Sidra fis-Swieqi. Huma stiednu għalliema oħrajn li jgħallmu l-Ingliż biex attendu u juru sinjal ta’ solidarjetà mal-kollegi tagħhom.