Għada jinkixef il-kwadru titulari tal-Madonna tar-Rużarju f’Ħal Qormi

L-Arċikonfraternità Madonna tar-Rużarju, għada se tkun qed tikxef il-kwadru titulari tagħha wara xogħol ta’ restawr li sar fuqu fl-aħħar żmien.

Fi stqarrija, l-Arċikonfraternità, li ilha mwaqqfa f’Ħal Qormi mill-1601 spjegat li fil-festa tas-sena 2019 ħabbret li kienet se tniedi proġett ta’ restawr tal-kwadru titulari tal-istess fratellanza li jinsab f’wieħed mill-kappelluni tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Ħal Qormi.

Wara li l-fratelli tal-istess fratellanza tkellmu mal-esperti tar-restawr mill-kumpanija Prevarti biex issir restawr fuq l-istatwa tal-Madonna, kien sar is-suġġeriment li minflokk isir restawr lill-istatwa li għadha f’kundizzjoni tajba, ikun aħjar li jsir restawr lil kwadru li qiegħed f’qagħda ħafna iktar agħar.

Spjegat li l-artal tar-Rużarju kien ġa imdawwar bl-iskultura fl-injam  madwar il-kwadru titulari u fl-1634 kellu  wkoll  prospettiva  magħmula  minn kolonni tal-ġebel skolpiti. Din hija l-istess prospettiva li hemm illum. Fl-1679, jingħad li partijiet minn din il-prospettiva kienu ġew indurati. Dan skont il-vista pastorali tad-delegat tal-Papa l-Isqof Molina. Intant, fl-1685, fil-kwadru titulari tqiegħdu żewġ kuruni tal-fidda fuq ras il-Bambin u l-Madonna.

Il-Fratellanza rrimarkat li dan huwa xogħol ta’ interess konsiderevoli, pittura taż-żejt fuq tila, ta’ artist mhux magħruf.  Taħt speċi ta’ ark trijonfali maħdum minn medaljuni bil-ħmistax il-misteru tar-Rużarju; tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, li qegħdin iġorruhom l-anġli. Dawn jinsabu minn nofs il-kwadru l-fuq. Qalet li l-Madonna hija mpittra bilqiegħda fuq l-isħab bil-Bambin f’ħoġorha tagħti l-kuruni lil San Duminku u lil Santa Roża, li qegħdin fil-ġnub tal-kwadru minn nofs l-isfel. Fuq ras il-Madonna u l-Bambin hemm żewġ kuruni tal-fidda li kienu tqegħdu fl-1685. Fin-naħa t’isfel jidhru żewġ puttini, wieħed minnhom b’baċir mimli ward u l-ieħor b’ġilju abjad.

Intqal li restawr ieħor li sar kien fuq iż-żewġ kuruni tal-fidda, li jintlibsu fuq ix-xbieha tal-Madonna u tal-Bambin. Dan ir-restawr sar minn William Montebello (il-Ġojjel) li sfortunatament ħalla din id-dinja ix-xahar li għadda.

Propju għada, il-Ġimgħa 2 t’Ottubru, f’jum it-twaqqif mill-419 sena tal-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju se ssir il-kxif tal-kwadru fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Wara l-inawgurazzjoni tal-kwadru fil-Knisja Kolleġjata, Arċimatriċi u Arċipretali San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi, se ssir quddiesa fis-6pm.