Għada jasal l-ewwel cruiseliner fil-Port il-Kbir minn Marzu

L-MSC Grandiosa mistenni jasal Malta għada. Din se tkun l-ewwel żjara ta’ vapur tal-passiġġieri f’Malta minn Marzu li għadda. Minkejja li l-port kien infetaħ fl-1 ta’ Lulju li għadda, s’issa ma kien sar ebda tbaħħir minn cruiseliners lejn Malta minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa minn Valletta Cruise Port, l-operaturi tal-Cruiseliner Terminal f’Malta, intqal li l-kumpanija MSC Cruises qed topera protokolli tal-ogħla livell fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtá kemm għall-passiġġieri kif ukoll għal dawk li jaħdmu fuq ix-xatt. Il-protokolli jsegwu direttivi internazzjonali u reġjonali kif ukoll gvernijiet tal-pajjiżi fejn qed joperaw. Apparti minn hekk, il-protokolli tal-kumpanija MSC kienu ċertifikati mill-korporazzjoni ta’ ċertifikazzjoni medika RINA. 

Skont dawn il-protokolli, il-passiġġiera kollha se jkunu qed jiġu ttestjati b’mod rigoruż qabel jitilgħu abbord il-vapur u l-eskursjonijiet se jkunu kollha ikkontrollati biex jipproteġu l-komunitajiet tal-ibliet u portijiet li jżuru. 

Fl-istqarrija intqal ukoll li kull passiġġier se jkun ttestjat fuq tliet livelli biex ikun assigurat li ma jkunx hemm riskji. Apparti minn hekk, passiġġiera li se jkunu qed jaslu minn żoni meqjusa ta’ riskju, se jkunu mitluba jippreżentaw ċertifikat negattiv li jkun sar fit-72 siegħa ta’ qabel. 

Fis-6 ta’ Marzu li għadda, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li vapur ieħor tal-kumpanija MSC, l-MSC Opera ma jitħalliex jidħol Malta wara li kien hemm pressjoni mill-unions tat-tobba u tal-infirmiera.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li s-sigurtá tal-passiġġiera u tal-ħaddiema u tal-komunitá huma prijoritá assoluta għall-kumpanija. Għal dan il-għan, f’dawn l-aħħar xhur saret ħafna ħidma mal-awtortajiet tas-saħħa u tat-turiżmu biex jiġu stabbiliti protokolli li jassiguraw s-saħħa, s-sigurtá u l-esperjenza li jgħixu l-passiġġieri. 

Il-wasla tal-MSC Grandiosa tikkonċidi mal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ għadd ta’ miżuri ta’ restrizzjonijiet fid-dawl taż-żieda ta’ każijiet ta’ Covid-19 f’Malta.