Għada, il-partiti jibdew il-kampanja tal-MEPs

Hekk kif fadal ftit aktar minn xahar għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għada, iż-żewġ partiti politiċi ewlenin se jkunu qed jagħtu bidu għall-kampanja, bl-ewwel attivitajiet tagħhom.
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat se jkun qed jindirizza r-rally f’Misraħ ir-Rebħa, fil-Birgu organizzat mill-Partit Laburista.
Ir-rally tal-Partit Laburista jibda’ fis-sebgħa w’nofs ta’ filgħaxija.
Dan filwaqt li fis-sitta ta’ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista wkoll se jkun qed jorganizza rally fid-Dar Ċentrali tal-istess partit f’Tal-Pietà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali Chris Said se jkunu qed jindirizzaw ir-rally tal-Partit Nazzjonalista fil-bidu tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Ta’ min jgħid li din is-sena, 13-il kandidat se jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista, 11-il kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista, 2 kandidati f’isem Alternattiva Demokratika, 2 kandidati f’isem il-partit ġdid Alleanza Bidla, 3 kandidati f’isem Imperium Europa, kandidat f’isem il-Partit tal-Ajkla u kandidat ieħor f’isem Alleanza Liberali.
Fl-elezzjoni tas-Sibt 24 ta’ Mejju jridu jiġu eletti sitt kandidati biex jirrappreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew.