Għada: Festa ta’ Ġenerożità b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-maratona annwali ta’ Festa ta’ Ġenerożità se ssir għada, bejn id-9.00 ta’ filgħodu u nofsillejl. Din hi organizzata minn RTK4Charity b’risq id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
Il-fondi miġbura minn din il-festa jintużaw għad-Dar tal-Providenza, li tospita madwar mitt persuna b’diżabilità bejn l-etajiet ta’ 14 u 80 sena. Hi toffri kenn għal dawk il-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu f’darhom.
Nhar it-Tlieta li għadda fil-grawnd tal-iskola ta' San Alwiġi ttellgħet edizzjoni oħra ta' "Tackle għad-Dar tal-Providenza".
It-turnament tal-futbol kien parti mill-kampanja RTK4Charity b'risq id-Dar tal-Providenza, liema kampanja tilħaq il-qofol tagħha nhar l-Ewwel tas-Sena b'maratona ta' xandir u ġbir ta' fondi.
Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela u d-Deputat Nazzjonalista Chris Said appellaw lill-pubbliku jkunu ġenerużi u jagħtu donazzjoni waqt il-maratona, li se tkun qed tixxandar live fuq it-televixin.