“Għad m’hemmx raġuni li tiġi rtirata l-liċenzja”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li “fil-mument għad ma hemmx raġuni li l-MFSA għandha tirtira l-liċenzja tal-bank Pilatus”.
Fl-istess waqt huwa ta’ indikazzjoni li jekk il-proċeduri li għaddejjin juru li hemm il-ħtieġa ta’ aktar azzjonijiet, dawn isiru mill-awtoritajiet kompetenti.
Dwar il-każ tal-arrest taċ-Ċermen tal-bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad, li ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti, il-Ministru Scicluna qal l-proċeduri legali Amerikani ma jsemmux lil Malta jew lil bank Malti iżda jsemmu lill-persuna.
Jispjega li kien għalhekk li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA waslet għal deċiżjoni li tkeċċi liċ-Ċermen tal-Bank.
Illejla, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell bħala ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus u biex jassumi kontroll tas-servizzi bankarji u servizzi ta’ investiment li għandu l-Bank.
Il-Ministru għamel dawn il-kummenti waqt attività organizzata mill-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
F’din l-attività ħabbar li fil-11 ta’ April, il-Gvern se jkun qed jikkomunika pjan strateġiku li fi kliem il-Ministru, “se jsaħħaħ l-istituzzjonijiet, jikkumbatti l-ħasil ta’ flus u jkompli l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa wara li l-Gvern qabbad kumpanija internazzjonali biex tħejji national risk assessment tal-istituzzjonijiet finanzjarji.
Esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Kummissjoni approvat is-suċċessi miksuba mill-Gvern fuq oqsma tal-finanzi biex jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi u jkompli jiżdied it-tkabbir finanzjarju.
Il-Ministru Scicluna tkellem ukoll dwar l-isfidi li Malta għadha fosthom l-infrastruttura tat-toroq. Qal li l-Gvern huwa konxju tat-tkabbir ekonomiku li qal li ma jistax ikun interpretat b’mod żbilanċjat.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill