“Għad hawn min jara l-persuni b’diżabilità bħala ‘problema’”

Waqt l-attività li saret fl-okkażjoni tat-32 anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar qal li minkejja l-liġjiet u l-konvenzjonijiet favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità “għad hawn min iħares lejn il-persuni b’diżabilità bħala ‘problema’”. Fisser li minħabba din il-mentalità hawn min jippromwovu l-abort ta’ persuni b’diżabiltà fil-ġuf u jiddeskriminaw ma’ persuni b’diżabilità.

Huwa qal dan fl-Omelija tal-quddiesa li saret fil-kappella tad-Dar tal-Providenza fejn fakkar ukoll fil-viżjoni ta’ Jean Vanier li miet ftit ġranet ilu, propju fis-7 ta’ Mejju fl-età ta’ 90 sena.

Il-President tal-AKM Josef DeBono jindirizza l-kongregazzjoni preżenti

Viżjoni biex persuni b’diżabilità jgħixu fi djar żgħar fil-komunità

Fr Martin fakkar kif Vanier kien żar id-Dar tal-Providenza f’Settembru 1985. Qal li bħal Dun Mikiel waqqaf il-komunitajiet magħrufa bħala L’Arche fejn persuni b’diżabilità intellettwali jgħixu fi djar żgħar fil-komunità flimkien ma’ dawk li jagħtuhom sapport. Illum L’Arche hija mifruxa f’seba’ u tletin pajjiż mad-dinja kollha.   Jean Vanier jgħid li tgħix mal-persuni b’diżabilità jgħinek tapprezza s-sabiħ li hemm f’qalbhom u l-valur uniku ta’ kull persuna.

Għal din il-Quddiesa attendew għadd ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar tal-Providenza. Dun Mikiel twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.

Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien ma’ Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika). Fl-omelija tiegħu, Fr Martin iddeskriva lil Dun Mikiel Azzopardi bħal ragħaj tajjeb li għadu jispira lis-soċjetà Maltija bil-viżjoni u l-ħidma tiegħu biex il-persuni b’diżabilità jingħataw rispett, dinjità u drittijiet li fi żmienu ma kellhomx.  Hu għen ukoll il-mod kif is-soċjetà ta’ żmienu kienet tħares lejn il-persuni b’diżabilità.  Il-persuni b’diżabilità mhumiex nies tat-tieni klassi imma persuni bi drittjiet ugwali.

Fid-Dar tal-Providenza jgħixu 115-il persuna

Bħalissa fid-Dar jgħixu madwar 115-il persuna b’etajiet ta’ bejn l-14 u ‘l fuq minn 80 sena. Id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara, iż-Żurrieq u oħra f’Balluta li mistennija tinfetaħ aktar tard din is-sena.