Filmat: Għad-Direttur tal-Ħabs “l-akbar periklu għall-ġurnalist hu li jilwi saqajh”; jiskuża ruħu

Aġġornat 02:19 PM

Read in English.

Id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli kkumpara l-perikli li jaffaċċjaw il-ġurnalisti f’xogħolhom ma’ dawk li jaffaċċjaw il-ħaddiema tal-ħabs, u qal li l-akbar periklu li għandu l-ġurnalist f’xogħlu hu li jilwi siequ jew li jieħu xokk mill-kompjuter.

Dalli kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist Mark Laurence Zammit waqt il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa li jixxandar bħall-bieraħ fuq Television Malta.

Illum huwa skuża ruħu ta’ dak li qal.

Fil-programm, lill-preżentatur Dalli staqsieh, “Qatt esperjenzajt raġel tliet darbiet daqsek b’dillirju ġej għalik? B’xafra f’idejh, bid-demm itir minnu?” Lil Zammit qallu li hu, bħala ġurnalist, l-akbar periklu li għandu f’ħajtu hu li jkun nieżel it-tarġa u jilwi siequ, jew li jieħu xokk mill-kompjuter.

Viżibbilment kommoss, Zammit wieġbu li l-istorja fl-aħħar tliet snin uriet mod ieħor.

Fis-16 t’Ottubru tal-2017, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet b’bomba li tpoġġiet fil-karozza tagħha, ftit ‘il bogħod minn darha fil-Bidnija.

Il-mottiv wara l-assassinju għadu ma nstabx, iżda l-Ispettur Kurt Zahra, wieħed mill-pulizija li qed imexxu l-investigazzjonijiet, qal li l-Pulizija għandha l-ipotesi li Caruana Galizia nqatlet minħabba xogħolha, dwar xi ħaġa li kienet għadha trid tiżvela.

“B’ebda intenzjoni ħażina”

Fi stqarrija maħruġa mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi waranofsinhar, il-Kurunell Dalli qal li ma qal hekk bl-ebda intenzjoni ħażina, u talab apoloġija ta’ kliemu.

Spjega li hu kien qed ifiehem il-ħidma iebsa li jaffaċċjaw il-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi. Stqarr li, “stajt għamilt analoġija li jaf tkun interpretata bħala xi nuqqas ta’ rispett lejn ix-xogħol u r-riskji li jaffaċċjaw il-ġurnalisti.”

Żied jgħid li, “Il-preżenza tiegħi nwieġeb lill-ġurnalist u l-fatt li fl-aħħar xhur l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi introduċiet protokoll għall-ġurnalisti huma l-ikbar xhieda tar-rispett li għandi lejn ix-xogħol ta’ dawk li jżommu ħaj wieħed mill-pilastri ewlenin tad-demokrazija.”

Intant, ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ma ħalliex lill-Kurunell Dalli jiġi intervistat minn Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart, wara li Dalli kien qabel għall-intervista.

F’Mejju, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ħelsien tal-Midja, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li jekk wieħed jifli l-kummenti li jkun hemm fuq il-midja soċjali wieħed jinnota t-theddid u l-ibbuljar li jsir kontra l-ġurnalisti. Qal li dan mhux aċċettabbli.

Filwaqt li nnota li l-ġurnalisti f’Malta qed jiġu mhedda kuljum, l-IĠM appella lill-awtoritajiet u lill-politiċi biex jikkundannaw retorika kontra l-midja.

Il-PM irid jiddiżassoċja ruħu – Grech

F’reazzjoni għal dak li qal Dalli fuq il-programm, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sejjaħ din id-dikjarazzjoni waħda xokkanti.

Sostna li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jiddiżassoċja ruħu milli qal id-Direttur tal-Ħabs, “inkella jkun kompliċi f’din id-dikjarazzjoni irresponsabbli u fl-aġir totalitarju tiegħu.”

L-arroganza tad-Direttur tal-Ħabs wasslitu biex fuq l-istazzjon nazzjonali lbieraħ għamel dikjarazzjoni xokkanti dwar…

Posted by Bernard Grech on Thursday, December 3, 2020

Alexander Dalli huwa figura kontroversjali u kemm-il darba ġie kkritikat għall-mod kif imexxi l-ħabs.

F’dawn l-aħħar xhur, kien hemm sejħiet għar-riżenja jew għas-sospensjoni tiegħu, partikolarment minħabba li kien hemm 11-il mewta fil-ħabs minn meta għadda taħt idejh tliet snin ilu.

L-aħħar sejħa ġiet mill-għaqda Repubblika wara l-aħbar li żagħżugħ ta’ 25 sena miet mewta naturali fil-ħabs.

Apparti hekk, f’Novembru wkoll, il-Kamra tal-Avukati talbet lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri sabiex jieħu azzjoni u jinvestiga r-rapport imressaq mill-Avukat Charles Mercieca dwar l-aġir tad-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli miegħu, meta dan tellfu minn laqgħa mill-klijent tiegħu Yorgen Fenech b’għajat u tisbit.

Il-Kamra talbet li Dalli jiġi sospiż sakemm issir inkjesta fuq il-każ.

F’Novembru wkoll, Newsbook.com.mt żvela kif Daniel Muka, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Awwissu li għadda, ipprova jaħrab minn Kordin f’Ottubru.

Ġie rrappurtat ukoll li d-Direttur tal-Ħabs jaġixxi differenti ma’ xi priġunieri, billi pereżempju, lil uħud minnhom kien qed ħadhom il-baħar.

Newsbook.com.mt żvela wkoll li d-Direttur ġieli deher jippassiġġa ġol-ħabs ma’ xi priġunieri “preferuti,” fosthom Yorgen Fenech, negozjant li hu akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sorsi qalu li lil priġunieri oħra, inkluż dawk barranin, jittrattahom qishom ma jeżistux, tant li “lanqas jeħdilhom b’idejhom.”

X’taħseb fuq il-kummenti tad-Direttur tal-Ħabs?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt