Ġew Malta biex ‘isarrfu’ $1.5 miljun minn bank

Read in English.

Żewġt irġiel li ġew Malta biex jaraw jistgħux jsarrfu $1.5 miljun dollaru minn Lombard Bank ma nstabux ħatja li kienu fil-pussess ta’ dokumenti foloz u li għamlu użu minn dokumenti foloz.

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud instab li l-irġiel li huma mir-Russja kienu ġew Malta biex jivverifikaw jekk id-dokumenti li kellhom kienux awtentiċi wara li ntbgħatu numru ta’ emails u ppruvaw iċemplu kemm il-darba.

Raġel ta’ 38 sena flimkien ma’ raġel ieħor ta’ 51, it-tnejn minn Moska, Russja kienu akkużati li għamlu użu minn dokument falz, il-Belt, kif ukoll li kellhom fil-pussess tagħhom li dokument biex bih jwettqu frodi.

Il-każ seħħ nhar it-12 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-10:10am fil-Lombard Bank li jinsab fi Triq ir-Repubblika, il-Belt. Dakinhar iż-żewġt irġiel kienu marru l-Bank biex jivverfikaw jekk il-bearer certificate li kellhom jissarrafx. Wieħed mill-irġiel bil-kemm jaf Ingliż filwaqt li l-ieħor ma jaf xejn.

L-Ispettur Christabelle Chetcuti fix-xhieda tagħha qalet li kien daħal rapport li żewġ Russi ppruvaw isarrfu 1.5 miljun Dollaru b’dokumenti falsifikati. L-irġiel kienu ġew arrestati u skortati lejn id-Depot. Dan wara li l-ħaddiema tal-bank indunaw minnufih li ċ-ċertifikati kienu foloz.

Fil-Qorti ġew esebiti erba’ bearer bonds certificates li kienu kollha l-istess.

Il-manager tal-Lombard Bank qal li dawn il-bearer bonds kienu ilhom li nqatgħu aktar minn tletin sena, filwaqt li qatt ma kien uża dak it-tip ta’ format għal dawn il-bonds u ġie nnuttat ukoll li logo tal-bank kien pjuttost modern.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Lombard Bank Joseph Said qal li meta ġie infurmat biċ-ċertifikati mill-ewwel induna li xi scam dan għaliex l-istess bonds kellhom l-istess numru ta’ riferenza.

Ġew Malta għax ma rċevew xejn mill-bank

Ir-raġel Russu qal lill-Pulizija li kien avviċinah it-tifel ta’ ħabib tiegħu. Huwa kien tkellem ma’ ħabib tiegħu dwar il-bearer certificates hekk kif it-tfajla tal-ħabib tiegħu kienet taħdem f’bank. Ir-raġel li ftit jaf bl-Ingliż qal lill-Pulizija li għamlu diversi tentattivi biex jipprovaw jikkomunikaw mal-bank qabel ma ġew Malta ħalli jivverifikaw id-dokumenti li kellhom. Spjega kif it-tfajla tal-ħabib tiegħu kien irnexxillha tikkuntattja l-bank bit-telefon. Dakinhar l-impjegat tal-bank kien qalilha biex tibgħatlu kopja fuq l-email personali tiegħu iżda hi rrifjutat u bgħatet kopja taċ-ċertifikat fuq l-email uffiċjal tal-bank.

Mill-verifiki li saru mill-Pulizija instab li kien hemm diversi telefonati mir-Russja lill-Bank fil-ġranet li kienu indikati mill-akkużat.

Il-maniġer tal-bank mill-ewwel induna li hemm xi ħaġa ħażina 

Il-maniġer tal-bank kien spjega lill-Qorti li huwa kien talab il-bearer bond certificates lir-raġel u mar bihom għand il-Kap Eżekuttiv li qallu mill-ewwel li mhumiex validi. Huwa spjega li l-bearer certificates kien ilhom iktar minn għoxrin sena neqsin mis-suq, kellu l-logo riċenti ħafna filwaqt li l-firma ma kinitx tintgħaraf.

Il-bearer certificate jista’ jintuża bħala ħlas. Il-maniġer qal lill-Qorti li jekk xi ħadd jaċċetta bearer bond certificate ta’ $1.5miljun mingħajr ma jagħmel verifiki ikun “injorant”.

Il-maniġer qal lill-Qorti li l-bank ma wieġibx l-emails ta’ dak it-tip għaliex b’dawk it-tip ta’ emails jista’ jkun il-każ li xi ħadd ikun qed jipprova jidħol fis-sistema tal-bank.

Il-Lombard Bank qatt ma ħareġ bearer bond certificate.

L-espert tal-Qorti qal li meta għamel il-verifiki sab li ma kien hemm l-ebda fattur ta’ sigurta la fil-karta u lanqas fil-linka użata. Spjega kif il-logo kien jixbaħ ħafna lil dak tal-Lombard Bank. Fix-xhieda tiegħu huwa qal li biex dokument ikun falz allura jrid ikun hemm dokument diġà jeżisti. “Jekk id-dokument ma jeżistix, allura huwa ivvintat”.

Il-Qorti sabet li kien hemm diversi tentattivi miż-żewġt irġiel biex jipprovaw jikkomunikaw mal-bank biex jiċċekkjaw fuq dawn il-bearer certificates.

Il-Qorti nnuttat li l-fatt li wieħed jipprova jikseb informazzjoni dwar dokument ma jistax jitqies bħala użu tal-istess dokument.

Il-Qorti nnuttat ukoll li l-fatt li wieħed mill-akkużati kien uża l-kelma “encash” dan ma fissirx li ried issarfu, hekk kif ħareġ biċ-ċar li kien hemm problema serja ta’ kommunikazzjoni bejn id-diriġenti tal-bank, il-Pulizija u anki l-akkużati.

Il-Qorti ma sabitx lill-akkużati ħatja tal-akkużi li ġew miġjuba fil-konfront tagħhom, u għaldaqstant ġew illiberati mill-imsemmija akkużi.

Il-Qorti ordnat li l-bearer certificates jinqerdu minħabba li ġew iddikjarati foloz.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud. Il-Prosekuzzjoni kienet immexxiha mill-Ispettur Christabelle Chetcuti. Għall-akkużati deher l-avukat Arthur Azzopardi.