​“Ġew aċċettati biss nofs il-viżi Alġerini” – George Vella

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella qal li kienu biss nofshom l-applikazzjonijiet ta’ viżi li ġew aċċettati mill-ambaxxata Maltija fl-Alġerija.
Waqt laqgħa mis-sensiela “Gvern li Jisma’”, il-Ministru Vella qal li ma kien hemm l-ebda irregolarità fil-ħruġ ta’ dawn il-viżi.
Fl-istess ħin appella lil kull min jaf b’xi ħaġa irregolari, biex jieħu azzjoni u jagħmel kuntatt mal-Pulizija.
Spjega kif kienu 7,000 l-għadd ta’ viżi ta’ Alġerini li ġew aċċettati, minn total ta’ 14,000. Sostna li l-applikazzjonijiet kollha għaddew mill-għarbiel tal-Interpol u tal-Pulizija.
Esprima l-konvinzjoni tiegħu mit-trasparenza ta’ dan il-proċess tant li qal li anka l-Ambaxxata Franċiża stess ikkonfermat li ma kien hemm xejn suspettuż.
Il-Ministru George Vella rrefera wkoll għal Valletta Summit, fejn aċċenna għall-kriżijiet tal-immigrazzjoni u dik tal-Libja.
Dwar l-immigrazzjoni irregolari, semma kif il-kontinent Ewropew u dak Afrikan qed jaqblu li soluzzjoni għal kwistjoni bħal din għandha tkun waħda konġunta.
Dwar il-Libja, qal li l-Gvern Malti qed jirrikonoxxi lill-Gvern ta’ Tobruk, biex ikun konformi ma’ dak li qed jitolbu n-Nazzjonijiet Maqgħuda.