Ġesù miet mewta psikoloġika qabel ħa l-aħħar nifs – L-Isqof Grech

Betty Bugeja

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li Ġesù miet mewta psikoloġika qabel ma ħa l-aħħar nifs tiegħu u miet fiżikament, peress li ħassu waħdu meta ċaħduh sħabu l-Appostli u meta saħansitra ħass li anke l-Missier kien telqu. Kien għalhekk li l-aħħar kliem tiegħu fuq is-salib kien, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” skont San Mattew u San Mark.

Dan qalu waqt l-omelija fl-Adorazzjoni tas-Salib Imqaddes li saret ilbieraħ fil-Ġimgħa l-Kbira fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat.

L-Isqof Grech ikkummenta fuq kif din ir-realtà tixxukkjana peress li ħierġa minn fomm Ġesù, li qatta’ ħajtu jgħid li hu ħaġa waħda mal-Mulej. Iżda msawwat u muġugħ kif kien, Ġesù ħassu bħal donnu kien waħdu f’dak il-mument, ħlief għal ommu Marija li baqgħet taħt is-salib sal-aħħar mumenti tiegħu. L-Isqof ħa spunt minn dan biex iħeġġeġ lill-Kattoliċi biex iduru għal Marija f’mumenti diffiċli, sabiex tkun hi l-interpreta tal-bnedmin quddiem il-Missier.

Kif Ġesù rebaħ il-prova tas-solitudni

Huwa rrelata dawn il-mumenti ta’ dubju u suspett ta’ Ġesù ma’ dak li jħossu l-bnedmin meta jkunu għaddejjin minn żmien ikrah f’ħajjithom, u jħossuhom abbandunati anke minn Alla. L-Isqof irrefera għal dawk moribondi, dawk morda bil-kanċer jew b’mard terribbli ieħor, dawk li taslilhom telefonata li miet xi qarib tagħhom ħabta u sabta, u l-vittmi ta’ inġustizzja. Qal li permezz ta’ dawn il-mumenti, Ġesù verament kien bniedem bħalma. “Fil-Kurċifiss nilmħu t-twaħħid tad-dulur tal-bniedem mad-dulur ta’ Alla. L-għajta drammatika ta’ Ġesù hija l-għajta tagħna lkoll,” qal l-Isqof Grech.

L-Isqof kompla jgħid li Ġesù rnexxielu jirbaħ il-prova tas-solitudni billi reħa ruħu kompletament f’idejn il-Mulej, u fuq il-Kalvarju għamel att ta’ fidi u fiduċja fih. Skont l-Isqof, din hija t-tweġiba li jistennew il-bnedmin – li ma jibżgħux jintelqu f’idejn Alla. Ladarba jgħidu dan, ma jħossuhomx waħedhom fit-tbatija u fl-esperjenza tas-silenzju t’Alla.