Filmat: Ġesù jifhem li l-midneb hu mitluf u jrid jinstab – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li Ġesù jifhem li l-midneb hu mitluf u jrid jinstab.

Hu qal dan waqt l-omelija tiegħu f’quddiesa fil-Parroċċa ta’ San Patrizju fil-Belġju. Il-komunità Maltija fi Brussell kienet mistiedna.

Skont Mons. Scicluna, kaptilu 15 tal-Vanġelu ta’ San Luqa għandu fih narrattiva straordinarja u li hemm tliet stejjer. Dawn jinkludu l-parabbola tar-ragħaj it-tajjeb, tal-munita l-mitlufa, u tal-iben il-ħali.

Fi kliem l-Arċisqof, dawn it-tliet stejjer għandhom xi ħaġa komuni. Qal li Ġesù mhux interessat li jikkundanna lill-midneb imma li jifhem li l-midneb huwa xi ħadd mitluf li jrid jinstab. Xi ħaġa li taffaxina lill-Arċisqof hi li Ġesù dejjem itemm l-istorja billi jgħid li tkun saret festa kbira. Qal li din titratta r-rikonċiljazzjoni.

Dwar il-parabbola tal-iben il-ħali, Mons. Scicluna spjega li t-tifel il-kbir ma jistax jifhem lil missieru. Għalkemm ħuh iż-żgħir irid lil missierhom mejjet, missieru xorta jibqa’ jħobbu. Il-missier jgħid li jrid jagħmel festa meta t-tifel iż-żgħir jirritorna – fil-fehma tiegħu t-tifel kien mejjet imma issa qam mill-mewt u reġa’ ingħaqqad mal-familja.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-ittra ta’ San Pawl lil Tomotju. Qal li huwa sabiħ meta wieħed jinduna li huwa xhieda tal-paċenzja ta’ Alla.