Ġesù hu qrib il-fraġilità u l-feriti tagħna

Il-Papa Franġisku jżur il-pazjenti u mpjegati mediċi u paramediċi fl-isptar St Louis ta’ Bangkok li din is-sena qed jiċċelebra l-120 anniversarju

L-Isptar St Louis ta Bangkok, twaqqaf l-1898 mill-Vigarju Apostoliku Victor of Siam, l-Arċisqof Louis Vey. Il-missjoni tal-isptar hi bażata fuq il-motto: “Fejn hemm l-imħabba, hemm Alla”. Illum, dan l-isptar jitmexxa minn tobba, nfermiera u riċerkaturi u mgħammar b’apparat tal-ogħla livell.

Fl-ewwel jum taż-żjara tiegħu fit-Tajlandha, il-Papa Franġisku żar dan l-isptar u kellem lill-madwar 700 impjegat fejn qalilhom li kien iqisha bħala barka “li jara s-servizz imprezzabbli li l-Knisja qed toffri lill-poplu Tajlandiż, speċjalment lil dawk l-aktar fil-bżonn.”

B’riferenza għall-motto tal-isptar, il-Papa qal li “meta jagħmel il-karità in-nisrani hu msejjaħ mhux biss biex juri li hu dixxiplu missjunarju imma anke jkun qed jittestja l-fedeltà tiegħu u tal-istituzzjonijiet lejn dan id-dixxipulat”.

“Intom dixxipli missjunarji fil-qasam tas-saħħa li kapaċi taraw lill-Kristu f’kull persuna umana, speċjalment l-anzjani, it-tfal u dawk l-aktar vulnerabbli”.

Il-Papa żied jgħidilhom li “meta wieħed iħares lejh minn dan l-aspett, intom qed twettqu waħda mill-akbar opri tal-ħniena għax l-impenn tagħkom li tikkuraw imur ‘l hinn minn sempliċi prattika tal-mediċina”.

Il-ħajja umana

“Ix-xogħol tagħkom hu li tilqgħu l-ħajja umana hekk kif tasal fid-dipartiment tal-emerġenza tal-isptar u jkollha bżonn il-kura b’imħabba u rispett għad-dinjità ta’ kull persuna”, qal il-Papa Franġisku.

“Il-proċess tal-fejqan għandu jitqies bħala “dilka” qawwija li kapaċi tagħti lura d-dinjità umana f’kull sitwazzjoni, ħarsa li tagħti d-dinjità u toffri appoġġ u għajnuna.”

 Il-Papa nnota kif kultant, ix-xogħol talħaddiema fi sptar “jista’ jkun tqil u jgħajjik”. Għalhekk hemm bżonn ta’ ministeru ta’ kura li fih mhux biss il-pazjenti imma kull membru tal-komunità jħossu mħares u megħjun fil-missjoni tiegħu.

Ġesù qribna fil-fraġilità tagħna

“Kull wieħed minnha jaf kif il-mard iġib miegħu problemi kbar” enfasizza l-Papa Franġisku. “L-ewwel reazjoni tagħna tkun waħda ta’ rabja u nħossuna mħawwda u abbandunati. Imma meta ningħaqdu ma’ Kristu fil-passjoni tiegħu, insibu l-qawwa għax hu qrib il-fraġilità u l-feriti tagħna”.

Fi tmiem il-laqgħa mal-ħaddiema tal-isptar, il-Papa Franġisku żar il-morda u l-persuni b’diżabilità li hemm fl-isptar biex jurihom li għalkemm għal ħin qasir, kien qed jakkumpanjahom fil-mard u l-uġiegħ tagħhom.                                                                                                       

Il-Papa ippreżenta lill-isptar kopja ta’ parti mill-affresk li juri l-Madonna bit-Tarbija.