“Ġesù delużjoni għall-aspettattivi tal-bniedem” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li Ġesu’ jiddeludi lill-bniedem għax ma jissodisfax l-aspettativi tiegħu. 
Fl-omelija tiegħu f’quddiesa fil-Katidral t’Għawdex, l-Isqof Grech tkellem dwar il-kuntrast qawwi li ntlaqa’ biha mill-folla Ġesu’ Kristu f’Ħadd il-Palm, mal-mod kif ġie skartat ftit jiem wara meta riedu jsallbuh.
Qabbel dan il-kuntrast mal-lum fejn qal li ġieli nxejru bnadar għal Ġesu’, u mbagħad ikun hemm drabi oħra fejn inqisu lil Ġesu’ bħala xkiel. 
L-Isqof t’Għawdex għamel paragun ma dak li ħassew il-Lhud, ma’ dak li jħossu l-Insara tal-lum meta jaraw lil Alla Msallab, iżda stqarr li kulħadd irid jiftakar li Alla fuq is-salib hu prova li huwa tassew Alla. 
B’hekk, kompla jispjega l-Isqof, Ġesu’ seta’ jidħol fit-traġedja tal-bnedmin biex jgħaddi mill-esperjenza tal-mewt bħall-bnedmin. 
Appella għal mumenti ta’ riflessjoni fil-Ġimgħa Mqaddsa, fejn qal li jekk Alla jikkorrispondi għall-kalkoli tal-bniedem, allura dan m’huwiex aktar Alla iżda prodott tal-aspettattivi tiegħu.