“Ġest żgħir ta’ ftit ħin jista’ jsalva ħajja” – L-isqof Grech

“L-eżempju tal-imħabba ta’ Ġesù jqanqalna biex aħna wkoll nagħtu demmna lil xulxin.”
Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fl-Ittra Ċirkulari li ħareġ.
L-isqof Grech għamel referenza għaċ-ċelebrazzjoni liturġika tas-solennità tal-Qalb ta’ Ġesù.
Qal li għandna nikkontemplaw l-imħabba ta’ Ġesù li waslitu biex joffri demmu għall-fidwa tal-bnedmin.
Għada, l-14 ta’ Ġunju hu l-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, b’hekk dan il-jum għandu jfakkarna fil-ġest kbir u sabiħ ta’ ħafna nies li regolarment jagħtu d-demm.
L-Isqof Grech qal li l-ħajja ta’ llum ma tħalliniex naħsbu biżżejjed dwar dak li qed jiġri madwarna u għalhekk ftit nirriflettu kemm persuni kuljum jingħataw id-demm.
Saħaq li d-demm ma jinxtarax u li d-demm ma fihx prezz, b’hekk quddiem din il-ħtieġa, ma nistgħux inkunu indifferenti.
L-Isqof ta’ Għawdex żied jgħid li l-għoti tad-demm hija azzjoni reliġjuża eżemplari.
Qal li wieħed irid ikun bla demm biex jisma’ l-karba ta’ min ikun qiegħed jilgħab mal-mewt u ma’ jagħtix id-demm.