Ġerusalemm: Malta tivvota biex dak li ddeċieda Trump ma jiġi jiswa xejn

Malta kienet wieħed mill-128 pajjiż li vvota favur riżoluzzjoni fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda sabiex id-dikjarazzjoni ta’ Donald Trump dwar Ġerusalemm tiġi ma tiswa xejn fl-isfera internazzjonali.
Fl-aħħar jiem il-President tal-Istati Uniti rrikonoxxa formalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, u minn dakinhar il-protesti fil-Palestina u diversi pajjiżi oħra ma waqfux, b’nies jispiċċaw iħallu ħajjithom ukoll.
F’Malta l-Moviment Graffitti flimkien mal-Ambaxxata tal-Istat tal-Palestina f’Malta wkoll organizza manifestazzjoni ta’ solidarjetà mal-poplu Palestinjan nhar ir-Repubblika.
Ir-rikonoxximent ta’ Trump jista’ jfisser li l-Iżraeljani jħossuhom aktar liberi li jokkupaw aktar art Palestinjana, speċjlament fil-Lvant tal-belt li l-Palestinjani jqisu li hija tagħhom.
Sadanittant, l-Istati Uniti kienet diġà heddet li se tieħu l-ismijiet ta’ dawk il-membri li jivvutaw kontriha fir-riżoluzzjoni, iżda kien kollu ta’ xejn dan it-theddid.
Il-vot ittieħed f’laqgħa urġenti li saret ilbieraħ.
Mill-bqija tal-pajjiżi, 9 vvutaw kontra u 35 pajjiż astjenew.
Ftit wara r-rikonoxximent ta’ Trump, kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni kienu kkundannawh. Dakinhar il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, kien qal li Malta mhux se tieħu naħat bejn l-Iżrael u l-Palestina waqt laqgħa informali li għaliha attenda l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.