Ġerusalemm: Ir-Russja u t-Turkija jwissu lil Trump

Ir-Russja u t-Turkija wissew lill-President Amerikan, Donald Trump, li d-deċiżjoni tiegħu li jirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael se teskala t-tensjoni li diġà tagħmel ir-reġjun wieħed diffiċli ferm biex tgħix fih.
Il-President Russu, Vladimir Putin, kien qed itemm żjara ta’ tlitt pajjiżi, meta f’Ankara ltaqa’ mal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, u flimkien wasslu l-messaġġ tagħhom.
Il-ġimgħa l-oħra Trump irrikonoxxa formalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, kif ukoll ħabbar li daqt jibda l-proċess biex eventwalment l-Ambaxxata Amerikana f’Tel Aviv timxi lejn Ġerusalemm.
Putin qal li r-Russja temmen li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed għandha tittieħed b’Iżrael u l-Palestina fuq il-mejda, u anki f’konformità ma’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat min-Nazzjonijiet Magħquda.
Min-naħa tiegħu Erdogan ikkundanna ‘l Iżrael tal-imwiet tal-Palestinjani fl-aħħar jiem mindu skattaw għadd ta’ protesti, kemm fil-Palestina kif ukoll f’pajjiżi oħra.
Qal li ebda bniedem li għandu kuxjenza, morali jew prinċipji ma jista’ jinjora dawn l-imwiet tal-Palestinjani, u li Iżrael se tirkeb fuq dan ir-rikonoxximent ta’ Trump biex tkompli tgħakkes lill-poplu Palestinjan.
Iż-żewġ presidenti ddiskutew ukoll l-iżviluppi fis-Sirja, ir-rabtiet ekonomiċi u x-xiri min-naħa tat-Turkija ta’ sistema ta’ difiża bil-missili mmanifatturata fir-Russja.