Ġeru għama u trux iqawwi l-qlub tat-tfal

Piglet huwa ġeru ta’ kulur ruża, għami u trux imma bis-saħħa tiegħu qed iqawwi l-qlub tat-tfal biex ma jaqtgħu qalbhom qatt.

Kollox beda meta Melissa Shapiro, veterenarja mill-Istati Uniti, offriet li taddotta lill-ġeru wara li nġabar minn santwarju meta ma setgħux jibqgħu jżommuh aktar fejn twieled fejn kien hemm 35 ġeru ieħor. Il-ġeru, ta’ razza mħallta Dachshund-Chihuahua, kellu jdum għandha għal xi żmien biss imma l-mara wara xahrejn rabtet qalbha miegħu u issa qed jgħix għandha.

Piglet qed jgħix ma’ seba’ klieb oħra u waqt li qed jgħix qisu prinċep żgħir dan ma jfissirx li kellox kien ward u zahar għalih. Shapiro kitbet li l-ġeru, meta ma kienx jilgħab jew jorqod, kien il-ħin kollu jwerżaq. Il-mara qalet li damet xahar ma tistax toħroġ mid-dar minħabba fih.

Piglet ma’ sħabu

Issa l-ġrajja tiegħu ħarġet fuq l-Instagram u għandu mal-116,000 follower.  M’għadux beżgħan u jħobb jiltaqa’ ma’ nies ġodda u jagħmel il-ħbieb mal-klieb l-oħra. L-istorja tiegħu saret taf biha għalliema u wżat lil Piglet bħala eżempju li wieħed m’għandux jaqta’ qalbu fil-ħajja.

Skejjel fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u fl-Awstralja ngħaqdu biex flimkien għamlu programm li sejħulu Piglet Mindset Outreach li jgħallem lit-tfal biex jiġġieldu l-problemi li jkollhom u jużaw dawn l-istess problemi biex jissaħħu f’ħajjithom. Bis-saħħa tal-programm inġabru aktar minn $30,000 li tqassmu fost organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb klieb bi bżonnijiet speċjali.