Gerrard jinħatar kowċ tal-Glasgow Rangers

Steven Gerrard, meqjus bħala leġġenda fost il-partitarji ta’ Liverpool, sar il-kowċ il-ġdid ta’ Glasgow Rangers fl-Iskozja. Minkejja li l-esperjenza ta’ Gerrard bħala kowċ hija kemmxejn limitata, hu stqarr li ma damx jaħsibha qabel m’aċċetta l-offerta li saritlu mill-klabb ta’ Glasgow. L-eks captain tal-Liverpool, li lagħab ‘il fuq minn ħames mitt logħba mar-Reds, ħa jkollu l-inkarigu iebes li jnaqqas id-distakk tal-klabb il-ġdid tiegħu minn ma’ Celtic. 
Ir-rebħa ta’ 5-0 min-naħa ta’ Celtic fid-derby tal-Ħadd l-għadda, ħalliet lil Glasgow Rangers fit-tielet post u waslet għat-tkeċċija tal-kowċ Graeme Murty. Għalkemm għad fadal tliet logħbiet għal tmiem l-istaġun, Celtin aċċertaw ruħhom mir-rebħ tat-tieni kampjonat taħt il-gwida ta’ Brendan Rogers proprju fl-isfida kontra r-rivali eterni tagħhom, Glasgow Rangers. 
Ħafna ħa jkunu qed jittamaw li Gerrard jirnexxielu jwassal lil Glasgow Rangers għar-rebħ tal-kampjonat Skoċċiż għall-ewwel darba minn wara l-falliment tal-klabb fl-2012.