Gerrard dubjuż dwar għandux jibqa’ jmexxi lil Rangers

Il-maniġer ta’ Rangers Steven Gerrard ta’ x’jifhem li jaf iħalli l-klabb wara li t-tim tiegħu tilfu kontra Hearts. B’hekk Rangers spiċċaw inqalgħu mill-iScottish Cup. Għal Gerrard, mindu ngħaqad ma’ Rangers fl-2018, dan kien l-aktar mument ħażin tat-tim.

Il-leġġenda ta’ Liverpool qal li kien qed jikkunsidra l-futur tiegħu mat-tim Skoċċiż u għandu jieħu deċiżjoni fi żmien 48 siegħa. Gerrard stqarr li qatt ma ħassu daqsek iddispjaċut mindu ħa r-riedni f’idu għand Rangers. Qal li għandu bżonn jaħseb u jiżen kollox qabel ma jieħu deċiżjoni.

Qal li hu flimkien mat-tim tekniku għamlu dak kollu li setgħu biex jiksbu riżultat pożittiv. Stqarr li kollettivament riedu bil-qawwa li jirbħu, iżda dehrlu li t-tim li kien qed jilgħab fil-grawnd ma kellux l-istess ħeġġa u grinta.