Ġermanja: 380 rapport ta’ fastidju sesswali minn Għarab fuq nisa

In-numru ta’ rapporti ta’ attakki u fastidju sesswali minn irġiel Għarab fuq nisa f’lejlet l-Ewwel tas-Sena f’Cologne, il-Ġermanja, ogħla drastikament għal 379. 
Skont il-Pulizija Ġermaniża, 40% tal-każijiet  huma ta’ natura sesswali u l-investigazzjoni qed iddur ma’ persuni li ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq. 
Sa issa ġew identifikati 32 suspettat, 18 minnhom talbu għal kenn politiku.
F’din l-investigazzjoni qed jieħdu sehem aktar minn 100 investigatur, wara li l-Kap tal-Pulizija Ġermaniża, Wolfgang Albers, ġie sospiż minħabba nuqqas ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-vjolenza li ġarrbu dawn in-nisa. 
Waqt il-protesta li ġiet organizzata lbieraħ mill-grupp Pegida, li hu kontra l-Iżlam, il-pulizija kellhom jużaw il-forza sabiex jikkontrollaw id-dimostranti. 
Wara dak li ġara fl-lejlet l-Ewwel tas-Sena, ilbieraħ ukoll, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel wiegħdet li mhux se jkun hemm ħniena mal-immigranti u r-refuġjati li jinstabu ħatja u qed tipproponi li jiġi rtirat id-dritt ta’ kenn politiku għal dawk li se jintbagħtu l-ħabs. 
Fl-2015 il-Ġermanja rċeviet madwar milijun talba għal kenn politiku.