Gerada jwaqqa’ libell li seta’ juri li hu innoċenti

Joe Gerada, il-konsulent tal-Ministru Chris Cardona waqqa’ l-libell kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u l-ġurnalist tan-Net, Mario Frendo.

B’hekk Gerada tilef iċ-ċans li juri li meta f’Jannar tal-2017 Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-Ministru tal-Ekonomija u Gerada marru f’burdell f’Velbert bl-isem ta’ FKK Acapulco, ma kienx veru. Huma kienu fetħu erba’ libelli kontra Caruana Galizia, filwaqt li dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.

Aktar kmieni din is-sena l-operaturi tal-mowbajls lokali kienu ppreżentaw fil-Qorti t-Tap files kollha tal-Ministru Cardona u tal-konsulent tiegħu Gerada. Fost affarijiet oħra, dawn il-files jinkludu l-ħinijiet li fihom saru t-telefonati u ntbagħtu l-messaġġi, il-post minn fejn ikunu saru u s-cell tower ID tan-network tal-operatur barrani. Għalhekk dawn id-dokumenti li għandhom issiġillati l-Qorti, setgħu jippruvaw b’ċertezza sħiħa jekk Gerada u Cardona kienux fil-burdell jew le.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal fi tweet li dan sar sabiex Gerada jaħbi r-rekords tal-lokazzjoni tal-mowbajl. Fi kliem Azzopardi, dan il-pass juri biċ-ċar li Caruana Galizia kienet korretta f’dak li qalet.

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kien tilef iċ-ċans li jerġa’ jiftaħ il-każ ta’ libell kontra Caruana Galizia. Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista, kien qal li Cardona ħalla ż-żmien tal-iskadenza jgħaddi u se jkollu jħallas l-ispejjeż legali tad-difiża. Fi kliem Caruana Galizia, li huwa wieħed mit-tliet subien tal-ġurnalista, din il-mossa turi li Cardona huwa ħati.