Ġera wara l-mara sakemm ħanxrilha għonqha fit-triq

Facebook - Shannon Mak

Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena akkużat li qatel lill-eks sieħba tiegħu f’Santa Venera qal lill-Pulizija li wara argument jisħon qabad sikkina, ġera wara l-mara, u ħanxrilha għonqha fit-triq. Fil-Qorti nstema’ kif qal dan waqt li kien qed jiġi interrogat.

L-omiċidju kien seħħ qrib l-appartament tiegħu f’Santa Venera fit-3 ta’ Awwissu tal-2018.

Is-Supratendent Raymond Cassar qal li l-Shannon Makk ta’ 30 sena min-Netherlands instabet mejta f’għadira demm bejn karozza pparkjata u ħajt fi Triq il-Mastrudaxxi. Dakinhar li nstab il-katavru, il-Pulizija kellmet lill-eks sieħeb tal-vittma li kien jgħix kantuniera ‘l bogħod minn fejn instabet mejta.

Skont Cassar, fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-pulizija s-suspettat qal li kien ippanikkja. Hu beda jispjega kif kellu argument mal-vittma u li mbagħad bagħtha ‘l barra mill-appartament. Din imbagħad reġgħet daħlet fejn reġa’ kompla l-argument. Dak il-ħin, qabad sikkina, ġera’ wara l-mara, u qatilha.

L-avukat tad-difiża oġġezzjonat għad-deskrizzjoni ta’ din l-ammissjoni li allegatament saret mill-akkużat mingħajr preżenza ta’ avukat. Qalet li l-istqarrija tiegħu għalhekk ma kienetx ammissibbli. Min-naħa l-oħra, l-avukat tal-parte ċivile qal li l-Pulizija ma tistax iżżomm persuna milli ‘tobżoq’ l-informazzjoni meta jfettlilha. Fil-Qorti ntqal li qabel ma tkellem mingħajr ma ġie mistoqsi mill-Pulizija, l-akkużat kien twissa darbtejn u kien anke ffirma karta.

Il-kap tat-taqsima tar-Riżorsi Umani fil-kumpanija Evolution Gaming ikkonfermat li kemm il-vittma kif ukoll l-akkużat kienu ħadmu fl-istess kumpanija. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli tinstema’ f’Diċembru.