George Vella ma jeskludix imur il-Libja jekk ikun hemm bżonn

Fuq RTK, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella qal li mhux se jiddiskuti pubblikament il-każ tal-ħtif ta’ Martin Galea mill-militanti Libjani.
Saħaq li jinsabu għaddejjin attentati mill-Gvern biex Galea jinħeles.
Waqt il-programm Newsbook, George Vella qal li jemmen li "aktar ma nitkellmu dwar dan il-każ aktar issir ħsara".
Il-Ministru qal li meta jsiru rapporti fuq każi bħal dawn, il-militanti li jkunu ħatfu l-individwu, hekk ikunu jridu aktar prominenza u attenzjoni.
George Vella awgura li Martin Galea jirritorna lura mal-familja tiegħu.
Mistoqsi jekk hux se ssir stqarrija pubblika dwar il-każ ta’ Galea, il-Ministru Vella qal li meta l-Malti jkun meħlus u s-sigurtà tiegħu tkun imħarrsa, il-Gvern ikun f’pożizzjoni li joħroġ il-fatti.  
Mistoqsi hux lest li jmur il-Libja biex jara x’jeħtieġu l-Maltin, il-Ministru George Vella ma eskludiex li jmur personalment il-Libja jekk ikun hemm bżonn.
Qal li Malta qed taħdem fil-qrib ma’ pajjiżi oħra Ewropej fil-Libja u hemm mibgħuta speċjali f’dan il-pajjiż.
Enfasizza li qed isir kuntatt kontinwu mal-Maltin li għadhom fil-Libja, bil-Ministeru qed isegwi n-neċessitajiet tagħhom.
Sostna li l-Maltin li għadhom fil-Libja jinsabu infurmati li jistgħu jagħmlu użu miż-żewġ titjiriet li qed isiru biex jiġu lura.
Dwar ir-rapporti fil-midja, li kien hemm Maltin ma sabux l-għajnuna mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru George Vella qal li l-Maltin jafu li meta talbu għall-għajnuna sabuha mal-ewwel.
Qal li hemm persuna li qed jimblokka t-telefonati fil-crisis centre bejn tlieta jew erba drabi kuljum imbagħad imur għand il-midja.
Sostna li jifhem li hawn persuni li ma jifhmux is-sitwazzjoni reali kif inhi fil-Libja.
Qal ukoll li t-tim fil-crisis centre huwa dedikat immens u qed jimxi skont ir-regolamenti internazzjonali.
Il-Ministru George Vella qal li meta titkellem mal-Maltin fil-Libja, jgħidulek li huma mhux direttament fil-periklu imma imbeżża li jista’ jingħalaq l-ajruport.
Għaldaqstant qed iżommu sal-aħħar qabel jitilqu mill-pajjiż.
Vella qal li s-sitwazzjoni fil-Libja qed tinżamm taħt skrutinju kull siegħa iżda huwa importanti li tirritorna l-paċi ‘relattiva’ li kien hemm qabel il-ġlied madwar l-ajruport.