George Vella jiddiskuti r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Moldova

Fi żjara tiegħu fil-Moldova, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella ddiskuta r-relazzjonijiet li l-Moldova qed tiżviluppa mal-Unjoni Ewropea u ma’ Malta.
Waqt iż-żjara, Dr Vella ltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Moldova Natalia German u mal-President tal-Parlament tal-Moldova Igor Corman, li hu l-Ispeaker tal-Kamra tad-deputati.
Fit-taħdidiet spikka t-tħassib li hemm fil-Moldova dwar dak li qed jiġri f’pajjiżi ġirien bħall-Ukraina u dwar x’effett dan jista’ jkollu fuq relazzjonijiet futuri bejn ir-Russja, il-Moldova u l-Unjoni Ewropea.
Ġew diskussi wkoll x-xenarji differenti li jistgħu jiżviluppaw fosthom fir-rigward tal-elezzjonijiet ġenerali fil-Moldova li se jsiru f’Novembru u x’effetti jistgħu jkollhom dawn.
Ir-relazzjonijiet bilaterali u miżuri li bihom Malta tista’ tgħin lill-Moldova kienu temi oħra li ġew diskussi. Għada se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern tal-Moldova u l-Gvern Malti dwar kooperazzjoni fil-qasam ta’ ‘digital government’.