George Pullicino jitlob lill-Aġent Kummissarju jinvestiga l-allegazzjoni ta’ Konrad Mizzi

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino kiteb lill-Aġent Kummissarju Ray Zammit biex jinvestiga d-dikjarazzjoni li għamel il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi dwar kuntratt tat-tariffi tal-feed in għal 25 sena.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Pullicino qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista, it-tariffi ma kienux jiġu deċiżi mill-Ministru imma mill-Awtorità kompetenti, f’dan il-każ l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi.
Qal li hu m’għandu assolutament xejn x’jaħbi u jawgura li jsiru l-investigazzjonijiet kollha fuq din l-allegazzjoni tal-Ministru.
Pullicino fil-Parlament kien stqarr li l-kuntratt tal-pannelli fotovoltaiċi kienu responsabbiltà tal-Ministeru tal-Finanzi.
Preżenti għall-istess konferenza, l-eks Ministru Tonio Fenech qal li hu ma kellux x’jaqsam mal-għoti tal-kuntratt għax ir-responsabbiltà kienet tas-Segretarju Permanenti.
Stieden lill-ġurnalisti biex jistaqsu lilu. Tonio Fenech qal li r-roħs fil-kontijiet m’għandhomx marbuta mal-bini tal-power station u dan huwa ċertifikat ċar li mhux veru li l-impjant tal-BWSC kien fabbrika tal-kanċer.
Qal li l-kontijiet għall-familji raħsu iżda żdied sew il-prezz tal-petrol u d-diesel u stieden lill-Gvern biex inaqqas dawn il-prezzijiet.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li stqarr kif il-Prim Ministru flok iwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu minflok jibda jitfa’ t-tajn.
Iddeskriva din it-tattika bħala ibbuljar li mhux se jwaqqaf lill-Oppożizzjoni milli taqdi dmirha.
Il-Kelliema qalu li l-Prim Ministru għandu jżomm kelmtu u jirriżenja wara d-dikjarazzjonijiet li għamel qabel l-elezzjoni li kien lest li jirriżenja jekk il-power station il-ġdida ma tkunx lesta fiż-żmien miftiehem.