George Portanier jinħatar maniġer ta’ Dar Sagra Familja

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħatret lil George Portanier bħala maniġer ta’ Dar Sagra Familja fin-Naxxar, b’effett mill-1 ta’ Ġunju.

Portanier għandu Masters fil-Finanzi u Investimenti minn York University, MBA mill-Università ta’ Edinburgh u Masters fl-Ekonomija tal-Liġi tal-Kompetizzjoni mill-Università ta’ Malta.

Hu serva għal aktar minn 20 sena fuq il-bord tad-diretturi tal-Bank of Valletta plc. Sal-2002 kien ukoll membru tal-bord ta’ Portanier Brothers Ltd, u kien imexxi l-istess ażjenda tal-familja. Matul il-karriera tiegħu s-Sur Portanier kellu diversi rwoli ta’ tmexxija f’kumpaniji fis-settur tas-servizzi tal-pagamenti, bl-aktar riċenti fl-Istitut Malti għat-Tassazzjoni.

Id-Dar Sagra Familja tilqa’ fiha 87 resident minn total ta’ 302 anzjani li fil-preżent jgħixu f’erbat idjar għall-anzjani li huma amministrati mill-Arċidjoċesi ta’ Malta.