George Mifsud jinħatar chairman tal-Awtorità tax-Xandir

George Mifsud inħatar chairperson tal-Awtorità tax-Xandir mill-President ta' Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru.
Fi stqarrija l-Gvern qal li George Mifsud għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-komunikazzjoni u kien hu li waqqaf il-kumpanija tal-Marketing MPS fl-1975.
Fl-2011, Mifsud kien sar chairman tal-istess kumpanija u mill-2007 sal-2013 kien Ambaxxatur tal-Bulgarija.
Bejn l-1999 u l-2004 George Mifsud serva ta’ direttur fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel.
Huwa qed jieħu post Tanya Borg Cardona.
Il-PN joġġezzjona
Intant b'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista waqt li oġġezzjona għal din il-ħatra, fi stqarrija l-Kelliem għall-Media u l-Komunikazzjoni tal-partit, Clyde Puli qal li l-fatt li George Mifsud għandu interessi kummerċjali diretti u kbar mal-istazzjon nazzjonali, ma jista’ qatt ikun f’pożizzjoni li jirregola kumpanija li magħha għandu relazzjoni kummerċjali. 
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fl-ittra li bagħat lill-Prim Ministru, saħaq li persuna ma tistax jagħmel negozju mal-PBS filgħodu u tiġġudika ilmenti kontra l-PBS b’impazjalità waranofsinhar.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni nnomina żewġ persuni għall-kariga.  
Dawn huma l-eks Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, Anthony Tabone, kif ukoll l-eks Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritus Joe Said Pullicino.
Il-Gvern jirribatti
F'reazzjoni, il-Gvern innota l-oġġezzjonijiet tal-Oppożizzjoni u sejħilhom bla bażi u ta tliet raġunijiet ta' double standards għall-oġġezzjonijiet li ressaq il-Partit Nazzjonalista. 
L-ewwel nett, fakkar li George Mifsud m’għandux kariga eżekuttiva fil-kumpanija privata tiegħu u t-tieni nett, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnomina membru li jservi fil-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, Chris Scicluna, li fi kliem il-Gvern ukoll jaħdem f’dan il-qasam b’mod dirett u f’karigi eżekuttivi. 
It-tielet raġuni, il-Gvern saħaq li persuna li nnomina l-Kap tal-Oppożizzjoni minflok Mifsud, kienet Anthony Tabone li serva bħala chairman tal-bord mill-2011, u reġa’ nżamm fil-kariga anke taħt din l-amministrazzjoni.
Il-Gvern qabel li Anthony Tabone wettaq dmirijietu bl-iktar mod rispettabbli, iżda bl-istess argument tal-Oppożizzjoni, ukoll kellu rwol ewlieni f’kumpanija li kellha relazzjonijiet kummerċjali bħala klijent ewlieni tal-PBS.