George Hyzler se jinħatar Kummissarju għall-Istandards

Il-Grupp Parlamentari Laburista illum qabel mal-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, dwar il-ħatra ta’ Dr George Hyzler bħala Kummissarju Parlamentari għall-Istandards.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li b’ din il-ħatra se tiġi fis-seħħ liġi importanti li daħħal il-Gvern u li se tkompli iżżid il-governanza u transparenza fil-pajjiż.

Dan l-irwol irid ikun hemm qbil dwaru b’żewġ terzi fil-Parlament. Din il-kariga tibqa’ valida għal ħames snin u l-persuna ma tkunx eleġibbli li terġa’ tinħarat għal terminu ieħor. B’din il-liġi se jinħoloq ukoll Kumitat Parlamentari biex jevalwa l-każijiet ta’ ksur ta’ Kodiċi ta’ Etika u fejn jinstab li kien hemm ksur, ikunu l-Membri Parlamentari nfushom li jiddeċiedu xi tkun is-sanzjoni.

Fl-aħħar ġimgħat, Newsbook.com.mt kien irrapporta li 17-il xahar wara li l-liġi għaddiet mill-Parlament u ġiet iffirmata mill-President kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt kien qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien ilu tmien xhur jistenna risposta mingħand il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar din il-ħatra.