Huwa mistenni li folol kbar ta’ nies jieħdu sehem fi protesta f’Washington DC kontra r-razziżmu u l-vjolenza mill-pulizija, fost rabja li qed tiżdied fl-Istati Uniti wara l-mewt ta’ George Floyd li kien fil-kustodja tal-pulizija.
Il-BBC irrapporta li Floyd miet f’Minneapolis fil-25 ta’ Mejju wara li pulizija poġġa rkopptu fuq għonqu anke waqt li kien qed jgħid li ma setax jieħu nifs.
Kien hemm protesti madwar il-pajjiż sħiħ minn dakinhar, però l-Kap tal-Pulizija ta’ Washington qal li jemmen li l-protesti tas-Sibt jaf ikunu fost l-akbar protesti li qatt kien hemm fil-belt.
Rallies ta’ kontra r-razziżmu qed jiġu organizzati wkoll f’pajjiżi oħra.
Parliament Square fiċ-ċentru ta’ Londra kienet mimlija nies favur il-moviment Black Lives Matter. Dan minkejja appelli mill-gvern Ingliż biex ma jinġabrux ħafna nies f’post wieħed minħabba l-coronavirus.