George Farrugia iħalli Malta wara l-iżviluppi tal-bieraħ

George Farrugia, li ngħata proklama biex jikxef mal-Pulizija kull ma jaf dwar l-allegat skandlu taż-żejt, skont il-gazzetta Malta Today siefer ilbieraħ waranofsinhar ftit wara l-iżviluppi tal-bieraħ.
Il-gazzetta ilbieraħ żvelat li George Farrugia kien serva ta’ intermedjarju għal uffiċjal pubbliku, li ismu sa dakinhar kien għadu qatt ma ssemma’, u li ngħata biljetti tal-futbol fl-Ingilterra mill-kumpanija taż-żejt TrafiguraIl-Gvern issospenda lill-impjegat pubbliku b’effett immedjat.
B’reazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ filgħodu qal li jekk jinstab li Farrugia ma ssodisfax id-dmirijiet kollha tiegħu skont il-proklama, il-Gvern jikkunsidra li jirtirahielu.
Mhux magħruf jekk it-titjira ta’ George Farrugia, b’linja tal-ajru low-cost lejn Venezja lbieraħ, flimkien mal-avukat tiegħu, kinitx ilha ppjanata u jekk hemmx ippjanat data ta’ ritorn.
Fi żviluppi oħra lbieraħ ukoll, l-istess Malta Today ippubblikat imejls mibgħuta minn mart Farrugia lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi fejn talbet laqgħa miegħu dwar tenders. Gonzi kien weġibha li fuq punt ta’ prinċipju ma jiltaqax ma’ persuni dwar tenders u li jekk kien hemm xi irregolarità kellhom jiġu infurmati l-awtoritajiet kompetenti.
Fil-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, il-Ministru Owen Bonnici staqsa kemm-il darba lil Lawrence Gonzi jekk kienx jaf lil Cathy jew Catherine Farrugia. L-eks Prim Ministru spjega li kien jafha bħala impjegata fost 1,100 mal-grupp li kien jaħdem miegħu snin ilu iżda ma kienx jafha personalment, u lanqas kien jaf ma’ min kienet miżżewġa jew dettalji oħra.